Kultura Lokali

Feautre: 400 sena mill-inawgurazzjoni tal-akkwadott ta’ Wignacourt

Minn Charles Muscat u Antoine Attard

Wignacourt kien ħareġ madwar 115,000 skud u 40,000 skud ieħor kienu miġbura mit-taxxi tal-fran. Għalhekk b’kollox l-akkwadott sewa madwar 155,000 skud

Fil-21 ta’ April 1615, eżattament 400 sena ilu saret iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-proġett tal-Akkwadott tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt, li permezz tiegħu twassal l-ilma min-naħa ta’ fuq ta’ Malta lejn il-Belt Valletta u l-ilma tfaċċa b’saħħa kbira fil-funtana tal-palazz f’dik li llum hi magħrufa bħala Pjazza San Ġorġ.

Proġett li żied l-attività kummerċjali
Meta kien qed jinbena l-akkwadott kmieni fis-seklu 17, l-akkwadott ta’ Wignacourt kien proġett ewlieni f’kull front li ġab tibdil demografiku, żvilupp ta’ lokalitajiet residenzjali ġodda u żieda fl-attività kummerċjali matul ir-rotta kollha minn fejn kien għaddej l-akkwadott. Dak iż-żmien l-eżistenza u l-ġid ta’ kull komunità kienu jiddependu minn provvista ta’ ilma ta’ kwalità tajba. F’diversi reġjuni madwar id-dinja, l-ilma wassal biex ħafna nies marru jgħixu fil-viċinanzi fejn l-ilma kien abbundanti.

Provvista tal-ilma li mhix sodisfaċenti
Il-kwistjoni dwar l-ilma f’Malta ngħatat importanza ikbar wara li waslu l-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-sena 1530. Fl-ewwel analiżi komprensiva li saret tas-sitwazzjoni tar-riżorsi tal-ilma f’Malta li saret mill-Kavallieri qabel ma aċċettaw l-offerta tal-gżejjer Maltin mill-Imperatur Carlo V, id-delegazzjoni tal-Kavallieri ddeskriviet is-sitwazzjoni tal-provvista tal-ilma bħala li mhix sodisfaċenti.

Il-bini tal-Belt Valletta
Il-bini tal-Belt Valletta ġab miegħu żieda fil-popolazzjoni kemm fil-belt il-ġdida nnifisha kif ukoll fiz-zona ta’ madwarha. Sa tard fis-snin 1500 kien jidher ċar li l-faċilitajiet tal-ħażna tal-ilma fil-belt ma setgħux ilaħħqu mal-bżonnijiet ta’ kuljum u għalhekk provvista ta’ ilma għall-belt saret ħtieġa mhux biss għall-użu tiegħu imma wkoll għall-unur tal-istess belt.

Ordni formali fl-1596
Il-Kunsill tal-Ordni tal-Kavallieri fl-1596 ħareġ ordni formali li kellu jsir proġett li jwassal l-ilma ġieri mill-għoljiet tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta għall-Belt. Għalhekk kienu allokati 20,000 skud għal dan il-proġett imma dawn ma kinux biżżejjed biex jiffinanzjaw l-ispejjeż kollha u għalhekk il-proġett ma setax jibda.

Popolazzjoni ta’ 15,000
Dak iż-żmien il-popolazzjoni ta’ Malta kienet ta’ madwar 15,000 ruħ u kien ċar għall-Kavallieri li biex jiggarantixxu ċertu suċċess għall-missjoni tagħhom li jħarsu lill-gżejjer Maltin, riedet issir xi ħaġa biex jitjiebu r-riżorsi tal-ilma. Għalhekk wara ftit snin, Padre Giacomo li dak iż-żmien kien espert dwar l-ilma, inġieb Malta. Hi ħadem fuq skema li permezz tagħha l-ilma ġieri li kien hemm fl-inħawi tar-Rabat kellu jitwassal fil-belt il-ġdida Valletta.

Il-proġett beda fl-1610
Minħabba nuqqas ta’ fondi l-proġett dam ma beda u kien biss fis-sena 1610 wara sentejn konsekuttivi xotti li l-Gran Mastru Alof de Wignacourt beda l-bini tal-akkwadott li parti mill-flus għal dan il-proġett ħariġhom hu stess. Fil-fatt minn dokumenti uffiċjali jirriżulta li Wignacourt kien ħareġ madwar 115,000 skud u 40,000 skud ieħor kienu miġbura mit-taxxi tal-fran. Għalhekk b’kollox l-akkwadott sewa madwar 155,000 skud. Hemm provi li dawn in-nixxigħat kien ittieħed ilma minnhom anke qabel waslu l-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Akwadot ta' Wignacourt

Ippruvaw jgħaddu l-ilma minn taħt l-art
Wara Padre Natale Tomasucci kien ikkummissjonat mill-Ordni tal-Kavallieri biex jieħu l-proġett tal-akkwadott f’idejh u identifika diversi nixxigħat fil-Punent tal-Imdina biex minnhom iwassal l-ilma lejn il-Belt Valletta esklussivament permezz ta’ rotta minn taħt l-art. Meta l-mixja tal-ilma ma setgħetx tirkupra mill-pendil tal-art f’Ħ’Attard, Tomasucci telaq minn Malta ħabta u sabta fl-1612.

Gianni Attard ippropona l-ewwel arkati tal-akkwadott
Gianni Attard li kien il-capomastro (foreman tax-xogħlijiet u għalliem tal-perit Tommaso Dingli) kien ippropona li l-ilma jimxi fuq akkwadott mibni fuq l-arkati minflok minn taħt l-art. L-ewwel grupp ta’ arkati kien iwassal minn Ħ’Attard sal-kappella ta’ San Nikola, ’il barra mir-raħal.

Bontadini ħa l-proġett f’idejh
Kien f’dak il-mument li Bontadino de Bontadini, perit espert u inġinier minn Bologna wasal Malta biex jieħu l-proġett tal-akkwadott f’idejh. Żvolta importanti kienet li Bontadini kien juża l-pozzolana, forma ta’ siment li kien jiflaħ għall-ilma biex permezz tiegħu jgħaqqad il-kanali tal-ilma flimkien. Il-pozzolana kienet imfissra bħala l-fattur waħdieni li kkontribwixxa l-aktar għas-suċċess ta’ dan il-proġett tant li fi skrizzjoni bil-Latin fuq irħama mal-arkata tal-akkwadott fi Fleur de Lys, il-Gran Mastru Wignacourt fl-1615 kiteb li l-ġenju ta’ Bontadini ispira u lesta wieħed mill-ikbar xogħlijiet ta’ bżonn pubbliku f’Malta. Fil-kitba tiegħu l-Gran Mastru qal li s’issa l-Belt Valletta kienet qisha xi ħaġa mejta imma llum l-ispirtu tal-ilma taha l-ħajja u kien Bontadino de Bontadini minn Bologna li wasslilha l-ilma.

Mill-Fiddien sal-Palazz il-Belt
Bħala xogħol ta’ kostruzzjoni oriġinali, l-Akkwadott ta’ Wignacourt jista’ jitqies li jwassal mill-pont tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat, f’għoli ta’ 440 pied mil-livell tal-baħar, sal-pjazza tal-Palazz il-Belt, f’għoli ta’ 125 pied mil-livell tal-baħar, b’distanza ta’ madwar 15,200 jarda. Bejn il-Fiddien u Ħ’Attard l-ilma kien jimxi f’kanali mal-art u kien jaqbad l-ilma mill-Wied il-Qlejja, minn Buqana u minn ta’ Vnezja, illum Ta’ Qali. Fl-inħawi baxxi ta’ Ħ’Attard u l-Ħamrun, l-ilma kien jimxi f’kanali fuq arkati tal-ġebel li huma l-akkwadott. Biex l-ilma jimxi fiz-zoni iktar baxxi bejn il-Ħamrun u l-Furjana, saru katusi tat-terrakotta.

Proġett mertu ta’ Bontadini
L-akbar mertu ta’ Bontadini f’dan il-proġett hu fil-ħila kbira fl-inġinerija li wasslet biex proġett ta’ dimensjoni kbira tlesta b’suċċess. Mhux inqas memorabbli kien it-tentattiv tiegħu, għalkemm wieħed timidu, biex jintroduċi l-arkitettura Barokka f’Malta. Jidher li l-Arkata ta’ Fleur de Lys u l-funtani li għamel f’pajjiżna jistgħu jitqiesu bħala l-ewwel esperimenti fl-idjoma Barokka li saru bil-ġebla Maltija.

1,400 metru kubu ta’ ilma kuljum
Meta l-akkwadott kien ikkummissjonat fl-1615, kienu jgħaddu minnu madwar 1,400 metru kubu ta’ ilma kuljum u kien iforni lil madwar 30,000 ruħ. Ta’ min jgħid li l-maġġoranza l-kbira tal-ilma disponibbli għall-konsum pubbliku kien disponibbli biss għal dawk li kienu joqogħdu fil-bliet filwaqt li l-villaġġi rurali kienu jiddependu minn spieri u nixxigħat li kien hemm fil-lokal tagħhom.

L-akkwadott ġab żieda fil-popolazzjoni
L-akkwadott ta’ Wignacourt kompla jkun l-uniku sors għall-għajxien għall-bliet u villaġġi ta’ Ħ’Attard, Ħal Lija, Ħal Balzan, il-Mosta, Ħaż-Żebbuġ, il-Ħamrun, Ħal Qormi, il-Furjana u l-Belt matul is-sekli 17 u 18. Id-disponibbiltà tal-ilma f’dawn il-lokalitajiet ġabet magħha żieda fil-popolazzjoni li sal-1798 kienet laħqet l-114,000. L-istruttura mibnija fuq l-arkati assigurat id-distribuzzjoni tal-ilma permezz tal-gravità min-nixxigħat naturali tal-għoljiet fin-naħa tal-Punent tal-gżira lejn il-bliet imdawra bis-swar fil-kosta tal-Lvant.

Akwadot ta' Wignacourt

Wassal ukoll għall-iżvilupp fl-irħula
Il-provvista assigurata tal-ilma li ġabet din l-infrastruttura ġdida li saret, mhux biss wasslet għal żieda fil-popolazzjoni tal-gżira, imma wkoll wasslet għall-iżvilupp f’numru ta’ rħula matul ir-rotta tagħha. Għal aktar minn 200 sena l-akkwadott ta’ Wignacourt bi ftit tibdil li sar fih kien kapaċi jilqa’ għall-bżonnijiet ta’ Ħ’Attard, Ħal Lija, Ħal Balzan, Birkirkara, il-Mosta, Ħaż-Żebbuġ, il-Ħamrun, Ħal Qormi, il-Furjana u l-Belt Valletta.

L-akkwadott tal-Fawwara
Meta bejn is-snin 1834 u 1841 għamlu sentejn konsekuttivi xotti f’Malta, bdew isiru pjani fi żmien il-Gvernatur Bouverie biex jinbena akkwadott li kien jixbah lill-akkwadott ta’ Wignacourt biex jissuplixxi ilma ġieri ta’ kwalità tajba lil xi villaġġi fin-naħa t’isfel ta’ Malta fosthom l-Imqabba, Ħal Luqa, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid kif ukoll lit-Tlett Ibliet fil-Kottonera. Dan l-akkwadott, magħruf bħala l-akkwadott tal-Fawwara, tlesta u beda jitħaddem fis-sena 1845.

L-arkata ta’ Fleur de Lys
L-arkata ta’ Fleur de Lys li kien fiha tliet bibien u li kienet tgħaqqad it-toroq għal Triq Notabile kienet saret bħala rikonoxximent għall-proġett kbir tal-akkwadott u għall-Gran Mastru Alof de Wignacourt li bid-determinazzjoni, l-entużjażmu u l-fondi tiegħu, dan il-proġett tlesta f’Ħadd il-Għid, fil-21 ta’ April 1615. L-arkata saret ukoll bħala rikonoxximent lejn Bontadino de Bontadini li rnexxielu jmexxi l-proġett b’suċċess. L-arkata li kienet parti mill-akkwadott u li kienet mifruxa mat-triq fejn jingħaqdu toroq oħra, kienet imżejna bl-arma ta’ Wignacourt, il-fleur de lys. It-tliet fleur de lys fil-quċċata tal-arkata taw lil-lokalità l-isem li bih din il-lokalità għadha magħrufa sal-lum.