Lokali

F’ħames sekondi…il-Ministru Bonnici rema’ l-proposti tal-Kummissjoni Bonello, l-Kamra tal-Avukati u l-PN

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

F’ħames sekondi, il-Ministru Owen Bonnici, bil-barka u l-appoġġ ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru, rema’ fiż-żibel il-proposti li għamlu l-Kummissjoni Bonello, l-proposti li għamlet il-Kamra tal-Avukati, u l-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista llum fil-Parlament. Dawn kollha, l-Ministru Owen Bonnici flok jimplimentahom mill-aktar fis possibbli, qal li qed jeħodhom “with a pinch of salt”.

Dan sostnih il-PN fi stqarrija li fiha qal li din l-arroganza tal-Ministru Owen Bonnici ma tixraq lill-ebda Gvern demokratiku, wisq aktar għal Gvern li jgħid li jisma’, iżda li fil-verita’, l-uniku ħaġa li jagħmel hu li jwebbes rasu u jgħaddas rasu ġol-ħajt.

L-anqas ħaġa li seta’ jagħmel Owen Bonnici llum, wara li kellu l-proposti fuq l-iskrivanija tiegħu għal dawn l-aħħar 28 xahar u ma għamel xejn bihom, kien li jirringrazzja lil kull min ressaq il-proposti u jwiegħed li se jimplimentahom fi żmien qasir.

F’25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista, ma kien hemm ebda ċirkostanza fejn fil-ħatriet tal-membri tal-ġudikatura nkisret il-Kostituzzjoni kif ġara f’dan il-każ. Hu għalhekk li l-proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista huma f’ħinhom u f’waqthom u issa wasal iż-żmien għad-diskussjoni u l-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Ministru Owen Bonnici għandu jerfa’ r-responsabbilta’ politika – kemm jekk ma kienx jaf li bil-ħatriet ta’ Ingrid Zammit Young u Caroline Farrugia Frendo kien qed jikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta, u wisq aktar jekk kien jaf u baqa’ jwebbes rasu u ħabbarhom xorta waħda.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jisfida biex il-Ministru Owen Bonnici ma jagħmel ebda ħatra fil-ġudikatura qabel idaħħal dawn il-proposti għal bidla radikali fil-mod ta’ kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura.