Lokali

F’ħames snin, Konrad Mizzi kien qed jippjana li jitfa’ aktar minn MILJUN dollaru fil-Panama

Il-Ministru f’Kastilja, Konrad Mizzi, kien qed jippjana li jpoġġi mal-miljun u 200 elf dollaru f’kont bankarju l-Panama, abbinat mal-kumpanija sigrieta Hearnville. Dawn il-flus kienu se jiġu minn “servizzi ta’ konsulenza lil diversi entitajiet madwar id-dinja”.

Din l-aħbar ġiet żvelata illum mit-Times, wara li ġew ippubblikati dettalji ġodda mill-Panama Papers.

L-informazzjoni l-ġdida turi biċ-ċar illi tul din il-leġislatura Konrad Mizzi kien se jpoġġi ‘l fuq minn miljun dollaru f’dan il-bank li jġib l-isem FPB, u li miegħu kien qed jinnegozja Konrad Mizzi permezz tal-konsulent ta’ Nexia BT, Karl Cini.

Konrad Mizzi, bħala klijent prosteppiv, ried ipoġġi 15,000 dollaru fil-Panama u 5,000 oħra f’kont bankarju ieħor illi s’issa m’għandniex dettalji dwaru. Dan ifisser total ta’ 20,000 dollaru depożitati f’banek barra minn Malta – flus illi meta tikkalkulhom lanqas ilaħħqu id-dħul f’daqqa tal-paga Ministerjali ta’ Konrad Mizzi u l-pakkett ta’ €13,000 li iddaħħal martu Sai Mizzi.

Għalhekk, ikomplu jikbru id-domandi dwar minn fejn eżatt kienu ġejjin dawn il-flus li ried ipoġġi Konrad Mizzi f’żewġ banek differenti barra l-pajjiż.