Qorti

Fi żmien xahar iridu jiżdiedu żewġ siġġijiet Parlamentari għall-PN; Il-Gvern u l-PL se jappellaw

Fi żmien xahar iridu jiżdiedu żewġ siġġijiet Parlamentari għall-Partit Nazzjonalista, dejjem jekk ma jkunx hemm appell.

Dan kien deċiż fis-sentenza li ngħatat fil-qorti wara li reġgħet instemgħet il-kawza dwar l-iżbalji tal-Kummissjoni Elettorali li kiser id-dritt funadamentali tal-PN fl-għadd tal-voti fl-2013.

TWEET KAP

Fl-ewwel reazzjoni fuq twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-ġustizzja rebħet wara tliet snin. B’żewġ siġġijiet aktar il-Partit Nazzjonalista se jwassal b’mod aktar b’saħħtu l-vuċi tal-poplu fil-Parlament.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), preseduta mill-Imħallef Lorraine Schembri Orland, iddikjarat li n-nuqqasijiet fil-proċess elettorali fit-8 u t-13-il distrett kienu ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-artiklu dwar elezzjonijiet ħielsa.

Il-Qorti ddikjarat ukoll li dawn in-nuqqasijiet wasslu għal rappreżentanza proporzjonali skont ix-xewqa tal-elettur li kellu jkun ta’ 38 Deputat għall-Partit Laburista u 31 Deputat għall-Partit Nazzjonalista. Għaldaqstant il-Qortni ordnat lill-Kummissjoni Elettorali tikkoreġi r-riżultat biex id-distakk ta’ siġġijiet bejn il-partiti jinżel għal seba’ siġġijiet u dan fi żmien xahar.

Il-Qorti ordnat ukoll li l-Kummissjoni Elettorali tagħmel dawk ir-regolamenti meħtieġa biex eċċezzjonalment, jipprevedu li jerġgħu jinfetħu, l-għadd tal-voti li diġa’ ingħalqu.

Mistoqsi dwar dan, l-Avukat Paul Borg Olivier qal li hu tal-fehma li bdil fir-regolamenti mill-Kummissjoni Elettorali hu biżżejjed sabiex xi ħaġa bħal din ma tirrepetix ruħha. Mhux eskluż li jista’ jkun hemm tibdil fil-liġi.

“Il-Kostituzzjoni tqattgħet biċċiet”– Toni Abela

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, l-eks Deputat Mexxej Laburista Toni Abela, li kien qed jidher f’isem il-Partit Laburista, qal li din id-deċiżjoni qattgħet il-Kostituzzjoni biċċiet għax issa kulħadd jista’ jikkontesta riżultat elettorali.

Hu qal li b’din is-sentenza, “qed nitfgħu il-pajjiż f’inċertezza għaliex illum il-Qorti effettivament iddikjarat li l-elezzjoni tal-2013 mhux ħielsa”.

Aktar tard fi stqarrija l-Gvern qal li ħa nota tas-sentenza mogħtija llum mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili dwar in-numru ta’ siġġijiet li għandha jkollha l-Oppożizzjoni wara r-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali li saret taħt amministrazzjoni preċedenti.

Il-Gvern qal li ma jaqbilx ma’ din is-sentenza, anke għal raġunijiet kostituzzjonali, u għalhekk se jkun qed jappella.

Fi stqarrija separata, anke l-Partit Laburista qal li se jkun qed jappella minn din is-sentenza għax qal li ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Qorti. Kien spjegat li l-appell se jkun separat minn dak li se jagħmel il-Gvern.