Sport

FIFA: Blatter sospiż għal 90 jum

Il-President tal-FIFA Sepp Blatter ġie sospiż 90 jum mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA. Din id-deċiżjoni ttieħdet ġimgħa wara li l-prosekuturi Żvizzeri bdew proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu għax qed ikun investigat dwar irregolaritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ pagamenti li ta lill-Unjoni tal-Futbol Fil-Karribew (CFU) u lill-President tal-UEFA Michel Platini.

Skont il-prosekuturi Żvizzeri jingħid li Blatter, fit-12 ta’ Settembru tal-2005 kien iffirma kuntratt mal-Unjin tal-Futbol fil-Karribew li ma kienx suppost ikun iffirmat u qed ikun akkużat anke li għamel ħlas ta’ 1.34 miljun lira sterlina lil Platini mill-kont bankarju tal-FIFA. Dan il-ħlas sar fi Frar tal-2011 għal xogħol li kien għamel Platini bejn Jannar tal-1999 u Ġunju tal-2002 meta dakinar il-Franċiż kien ‘konsulent speċjali’ ta’ Blatter.

Wara laqgħa li saret ilbieraħ bejn il-membri tal-Kumitat tal-Etika ttieħdet id-deċiżjoni li dan ikun sospiż għal 90 jum sakemm jiġu konklużi l-investigazzjonijiet. Ta min jinnota li sospensjoni ta’ 90 jum hi l-massimu li jista’ jagħti l-Kumitat u skont sorsi qrib il-FIFA, dan hu sinjal ‘sinfikanti’ għal dak li għandu x’jaqsam mal-futur tal-President tal-FIFA li f’Mejju li għadda rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali imma jiem wara hu stess kien ħabbar li se jirriżenja mill-kariga.

Tajjeb wieħed jinnota li din is-sospensjoni ma tfissirx li Blatter instab ħati iżda hi biss miżura li ġeneralment jieħu dan il-kumitat kull meta wieħed mill-membri jkun qed jiġi nvestigat mill-awtoritajiet.

Din id-deċiżjoni kienet waħda li kulħadd kien qed jistenna għax ftit tal-ġimgħat ilu l-istess sar fil-konfront tal-eks Segretarju tal-FIFA Jerome Valcke li ġie sospiż wara li dan kien akkużat li biegħ biljetti tat-Tazza tad-Dinja tal-2014 bi prezz ferm ogħla minn dak stabbilit.

Blatter, minn dejjem sostna li “m’għamel xejn illegali jew mhux xieraq.” Wieħed irid jara issa jekk Blatter ikunx sospiż għal għomru fil-jiem li ġejjin u jekk dan iseħħ, ikollu jwarrab minn President tal-FIFA qabel ma fil-fatt issir l-elezzjoni Preisdenzjali fi Frar li ġej. Minkejja li numru ta’ sponsors kbar tal-FIFA tallbuh biex jirriżenja, Blatter minn dejjem sostna li m’huwiex lest jirriżenja qabel l-elezzjoni.

Din l-aħbar li Blatter ġie sospiż waslet proprju ftit siegħat wara li l-Korean Chung Mong-joon, kandidat għall-elezzjoni Presidenjali tal-FIFA, kien żvela li jista’ jkun sospiż milli jikkontesta l-elezzjoni minħabba li qed ikun akkużat li kiser sitt regoli tal-Kodiċi tal-Etika tal-istess Federazzjoni.

Chung Mong-joon, fil-passat kien jokkupa l-kariga ta’ Viċi President tal-FIFA u attwalment hu l-persuna li għandu l-akbar persentaġġ ta’ ishma tal-kumpanija Hyundai.

Platini, President attwali tal-UEFA, li hu wkoll kandidat għall-elezzjoni, s’issa ma ġiex sospiż, anke jekk hu wkoll ġie interrogat mill-prosekuturi dwar il-pagament li aċċetta mingħand Blatter.