Lokali

Filmat: 48 familja bi tfal u trabi jgħixu f’periklu kontinwu f’kerrejja li waslet biex taqa’

48 familja li jgħixu f’kerrejja qed iqattgħu ħajjithom f’periklu kontinwu, f’kerrejja li waslet biex tikkrolla minn ħin għall-ieħor. Tfal żgħar, nisa tqal u persuni morda li qed jgħixu f’ambjent li lanqas hu aċċettabbli għal razzett tal-annimali.

Soqfa jqattru l-ilma, ilma dieħel minn kullimkien u l-bejt li wasal biex iċedi. Elettriku mikxuf bit-tfal jilgħabu maġenbhom, residenzi li waslu biex jikkollassaw, u tfal jiġru f’kurituri taħt ħitan li l-ġebel tagħhom sempliċiment poġġut waħda fuq l-oħra.

Anzjana torqod taħt saqaf falz għax is-saqaf qed ifarfar fuqha waqt li oħrajn jorqdu taħt saqaf tal-injam li miel u wasal biex iċedi tant xorob ilma.