Lokali

Filmat: Appell biex il-Gvern ma jkissirx ir-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur finanzjarju

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed jappella lill-Gvern biex ma jkissirx ir-reputazzjoni b’saħħitha li bniet Malta tul is-snin fis-settur finanzjarju u ma jħallix l-iskandlu tal-Panana, bl-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Keith Schembri, ikissru r-reputazzjoni ta’ Malta.

Simon Busuttil għamel dan l-appell waqt żjara fil-Kwartieri ta’ Deloitte fl-Imrieħel, fejn sostna li s-settur finanzjarju qed jiffaċċja wkoll pressjonijiet internazzjonali oħra u Malta qed tagħmel sew li żżomm il-pożizzjoni tagħha. Madankollu, il-Gvern irid jagħmel ukoll sehemu u jassigura li l-iskandlu tal-Panama ma jikkaġunax aktar ħsara internazzjonali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-proposta għall-bini tal-Power Station il-ġdida, fejn qal li jirriżulta ċar li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista diġà kellu quddiemu l-proposta għall-bini ta’ din il-Power Station. Għalhekk, jidher li l-pjan kien wieħed miftiehem minn qabel.

Simon Busuttil akkuża lill-Gvern Laburista b’korruzzjoni u sostna li l-korruzzjoni mhux biss qed issir mill-Gvern, iżda kienet bdiet ukoll mill-Partit Laburista meta kien għadu fl-Oppożizzjoni.

Waqt iż-żjara, hu kien akkumpanjat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono, mill-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista Noel Galea u Anne Marie Muscat Fenech Adami, kif ukoll mill-President tas-SĦPN Ivan Castillo.