Filmat: Ċelebrazzjonijiet tal-gradwati mtappna b’argument ma’ lecturers fil-Junior College

Grupp ta’ studenti li ggradwaw fl-aħħar jiem għal ftit ma ġewx fl-idejn ma’ lecturers tal-Junior College.

L-inċident seħħ dalgħodu, għall-ħabta tal-11:45, hekk kif dawn l-istudenti, li kienu qed jiċċelebraw, irnexxielhom jidħlu fil-Junior College fejn qattgħu xi ħin iduru u jagħmlu l-istorbju.

Iżda ċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom ġew imtappna hekk kif dan l-aġir ftit li xejn intogħġob mil-lectures u allegatament l-istudenti ġew mgħajjra “bżieq”, fost insulti oħra.

Kienu dawn il-kummenti li qajmu rabja fost il-gradwati ġodda tant li qam argument ma’ wieħed mil-lecturers akkużati li għaddew dawn il-kummenti. Fortunatament is-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata qabel eskalat u l-gradwati nħarġu mill-Junior College.

Dawn il-jiem huma ta’ uġiegħ ta’ ras għall-uffiċjali tas-sigurta’ tal-Junior College hekk kif kważi kull grupp ta’ gradwati jippruvaw jidħlu fil-Junior College.

Filfatt ta’ kuljum dawn l-uffiċjali jkollhom joqgħodu għassa mal-entraturi tal-Junior College f’sitwazzjoni li twassal biex saħansitra studenti tal-Junior College li jkunu fuq ġewwa ma jkunux jistgħu joħorġu sakemm l-uffiċjali tas-sigurta’ jkunu jistgħu jiftħu l-gates.