Ambjent Lokali

FILMAT: Deborah Schembri taħbi l-pożizzjoni tagħha dwar l-iskyscraper f’Townsquare

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-ippjanar, Deborah Schembri, ħbiet il-pożizzjoni tagħha dwar l-iskyscraper ta’ 40 sular ta’ Townsquare, f’Tas-Sliema.

Wara li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, kif ukoll numru ta’ għaqdiet ambjentali ressqu appell għad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, NETnews staqsa lil Deborah Schembri jekk taqbilx mal-appell jew mad-deċiżjoni oriġinali tal-awtorità. Imma s-Segretarju Parlamentari, taħbi l-pożizzjoni tagħha.

“Mhux se ntik opinjoni biex inkun ġusta u etika fis-sitwazzjoni” qaltilna Deborah Schembri fil-kummenti tagħha. Biex taħbi l-pożizzjoni tagħha, is-Segretarju Parlamentari qalet li ma jkunx etikament ġust li persuna f’awtorità governattiva tgħid jekk taqbilx jew le.

Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u grupp ta’ għaqdiet ambjentali ppreżentaw appell lit-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar kontra l-approvazzjoni tat-torrijiet f’Townsquare, f’Tas-Sliema. L-istess oġġezzjonijiet li fuqhom hu bbażat l-appell, kienu diġa tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-bord tal-awtorità kien ivvota kontra l-approvazzjoni tal-iskyscraper. U issa, hekk kif tressqu żewġ appelli kontra dan it-torri, insistejna mas-Segretarju Parlamentari tal-Ippjanar Deborah Schembri biex tgħidilna l-pożizzjoni tagħha, li baqgħet tirrifjuta minħabba kwistjonijiet ta’ “etika”.

F’ġurnata waħda kienu ġew approvati ħames torrijiet – erba’ fl-Imrieħel u wieħed f’Tas-Sliema. L-iskyscraper ta’ Townsqaure f’Tas-Sliema kien ġie approvat minkejja oġġezzjonijiet miċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent.