Aġġornata b’filmat
Ritratti: Joseph Galea; Filmat: Ryan D’Amato
Erba’ persuni, żewġt irġiel ta’ 47 u 55 sena miż-Żurrieq, raġel ta’ 21 sena minn San Ġiljan u raġel ta’ 58 sena ukoll miż-Żurrieq, ddaħħlu l-isptar għall-kura tard ilbieraħ filgħaxija,wara li seħħet splużjoni qawwija fl-inħawi ‘Tal-Magħluq’ qrib il-power station, ikkaġunata mil-logħob tal-nar. Ix-xogħol pirotekniku kien qiegħed jinħaraq fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk. Tlieta mill-irġiel ġew iċċertifikati li kienu qegħdin isofru minn ġrieħi ħfief filwaqt li r-raġel ta’ 58 sena qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
L-isplużjoni li seħħet għall-ħabta tad-9.35 p.m. heżżet l-inħawi tan-naħa t’isfel ta’ Malta, fejn istemgħet ukoll minn diversi lokalitajiet partikolarment dawk fuq ix-xaqliba tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Tnejn mill-irġiel li ddaħħlu l-isptar kienu qed isofru minn ħruq f’diversi partijiet ta’ ġisimhom kif ukoll minn ġrieħi kaġunati mill-ġebel li tar bl-isplużjoni. Iż-żewġ persuni l-oħra ddaħħlu għall-kura minħabba duħħan li belgħu għax kienu qrib tal-post fejn seħħet l-isplużjoni.
Diversi vetturi ġabbru wkoll ħsarat minħabba l-qawwa tal-isplużjoni kif ukoll kien hemm ħġieġ ta’ djar residenzjali li nkiser.
Minn informazzjoni li ksibna mill-post fejn seħħet l-isplużjoni jirriżulta li dan l-inċident seħħ hekk kif waqt li kien qed jinħaraq murtal tat-tip ‘raġġiera’, waqgħu xi ġamar tan-nar li spiċċaw fuq murtali oħra. Konsegwenza ta’ dan, qabdu l-murtali li kienu lesti biex jinħarqu. Dan wassal biex inħolqot splużjoni waħda u kbira li dehret mix-xatt ta’ Marsaxlokk.
Fil-post kienu msejħa minnufih numru ta’ ambulanzi, għadd ta’ uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u membri tal-Pulizija fosthom tar-Rapid Intervention Unit kif ukoll Pulizija mill-Għassa ta’ Birżebbuġa.
Fil-post tal-isplużjoni kien hemm ukoll Dun Mario Mangion, il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk.
Ilbieraħ filgħaxija, l-attivitajiet tal-festa esterna twaqqfu għal xi ħin sakemm kien magħruf l-eżitu tal-isplużjoni.
Fil-post saret inkjesta maġisterjali.
Intant aktar tard fi stqarrija l-Parroċċa ta’ Marsaxlokk, flimkien mal-Għaqda 8 ta’ Mejju, l-Għaqda Mużikali Madonna ta’ Pompei, u l-Għaqda Ġbir għan-Nar Pompei – Marsaxlokk, wrew solidarjetá ma’ dawk involuti. L-istqarrija saħqet li wara li l-għaqdiet konċernati ġew nfurmati li l-ebda persuna ma hi fil-periklu tal-mewt il-partijiet kollha qablu li wara li jittieħdu l-prekwazjonijiet kollha, se jsir l-almu kollu biex il-programm imħejji għall-llum ikompli kif ippjanat. Huma rringrazzjaw lill-korpi dixxiplinati kollha u l-mediċi tal-assistenza tagħhom waqt l-inċident.