Lokali

Filmat: Fl-2015, 3,500 telefonata ta’ emerġenza b’ingann

Matul l-2015 kien hemm 3,500 telefonata ta’ emerġanza li saru b’ingann, f’ħafna mill-każi bħala ċajta. Fortunatament, dan l-ammont hu nofs is-7,000 telefonata li saru matul l-2014, iżda kull waħda minn dawn it-telefonati setgħet ħliet ħin prezzjuż li kien jintuża’ biex tiġi salvata ħajja ta’ persuna verament fil-bżonn.

Dan minbarra li hu reat u min jinqabad jitressaq għall-ġustizzja. Fl-istess waqt, minbarra t-telefonati b’ingann, kien hemm ukoll 19,000 telefonata oħra minn persuni li ċemplu bi żball wara li jkunu għafsu numru b’ieħor.

Dawn iċ-ċifri kienu ppublikati hekk kif il-11 ta’ Frar hu l-Jum Ewropew iddedikat għan-Numru tal-Emerġenza 112, li ilha tiġi ċċelebrata mill-2009 b’konvenzjoni ffirmata mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew.

Min-naħa l-oħra, matul l-2015 kien hemm ukoll 435,306 telefonata ġenwina minn persuni li kellhom bżonn għajnuna urġenti, bl-akbar ammont ta’ telefonati jiġi rreġistrat f’Lulju. Dawn iċ-ċifri jfissru telefonata kull seba’ sekondi.

Inizjattiva li qed tiġi mnedija f’pajjiżna din is-sena hi għal dawk li għandhom problema jikkomunikaw, fejn issa jistgħu jużaw is-servizz ta’ SMS fuq in-numru 7977 0112.