Futbol Lokali

FILMAT: Ġlied lejlet il-partita Malta vs Kroazja; arrestati 6 persuni

Filmati li kiseb NetNews.com.mt juru mumenti ta’ tensjoni li inqalgħu f’Paceville matul il-lejl li għadda bejn numru żgħir ta’ partitarji Kroati u bouncers Serbi li jaħdmu fi stabbilimenti tad-divertiment. L-inkwiet jidher li inqala’ ftit weara is-1am, u fil-ġlieda kienu involuti madwar 20 persuna.

Il-Kroati waddbu fliexken u imwejjed lejn xi barijiet li hemm f’Paceville, filwaqt li ġew fl-idejn ma’ xi bouncers Serbi.

Dan is-sit huwa nfurmat li l-Pulizija arrestaw 6 persuni.

L-Ispettur Trevor Micallef mill-għassa ta’ San Ġiljan qed jinvestiga dan il-każ.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li l-ġlieda bdiet bi grupp ta’ persuni fit-taraġ ta’ Paceville, u hawnhekk numru ieħor ta’ persuni ingħaqdu mal-istess grupp u telgħu lejn Triq San Ġorġ. Kien hawnhekk li l-ġemgħa ta’ nies bdew iwaddbu siġġijiet, flixken u tazzi lejn xi securities ta’ postijiet ta’ divertiment u għamlu ħsarat oħra.