Lokali

FILMAT: Hemm aktar evidenza dwar Neville Gafà u l-iskandlu tal-visas mediċi – Alleanza Bidla

Aġġornata b’filmat

Skont kelliema tal-Alleanza Bidla, li għandhom kuntatti ma’ uffiċjali Libjani, hemm ferm aktar evidenza li tikkonferma prattiċi korrotti marbuta mal-iskandlu tal-visas mediċi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Ivan Grech Mintoff mill-Alleanza Bidla qal li minkejja li l-Pulizija qalu li ma sabux evidenza biżejjed kontra Neville Gafà, hemm evidenza li turi mod ieħor. Żied li fil-jiem li ġejjin se tkun qed tinkixef aktar evidenza li twassal għal konklużjonijiet differenti minn kif waslu għaliha l-Pulizija. Fost l-evidenza li għadha ma ħarġitx, hemm xhud li lest jitkellem kif ukoll recordings.

Ivan Grech Mintoff qal li l-iskandlu tal-visas mediċi hu biss parti żgħira mill-istorja u qal li b’kollox iddaħħlu miljuni ta’ ewro minn prattiċi korrotti mill-Gvern fl-għoti ta’ visas u permessi ta’ residenza.

L-iskandlu tal-visas mediċi inkixef minn Khaled Ben Nassan, li qed jitlob li jingħata lura l-flus li tħallsu għal visas li ma mmaterjalizzawx. Mistoqsi jekk Neville Gafà kienx qed jaġixxi waħdu, Ivan Grech Mintoff kkwota l-istatement li Ben Nassan ta lill-Pulizija, fejn qal li miż-żgħir nett sal-Ministru kienu jafu b’dan l-iskandlu.

Żied li hemm nies persuni oħra fil-Gvern li huma direttament involuti f’dan l-iskandlu, li hu ferm aktar wiegħsa mill-iskandlu tal-visas mediċi. Ivan Grech Mintoff saħaq li tal-anqas, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu jkeċċi lil Neville Gafà li hu fiċ-ċentru ta’ dan l-iskandlu.

Neville Gafà daħal jaħdem f’Kastilja wara l-elezzjoni ġenerali bħala persuna ta’ fiduċja ta’ Joseph Muscat. S’issa kollox jindika li mhux se jittieħdu passi kontrih.