Lokali

Filmat: Id-dizzjunarju ta’ de Soldanis se jara d-dawl

Frott tmien snin ta’ ħidma biex dan l-ewwel dizzjunarju miktub minn Malti u t-tieni l-aktar dizzjunarju qadim bil-Malti jiġi pubblikat 250 sena wara li nkiteb

L-ewwel dizzjunarju miktub minn Malti mistenni jkun ippubblikat is-sena d-dieħla, 250 sena wara li tlesta minn dak li hu meqjus bħala Missier l-istudju tal-ilsien Malti, Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis.

MaltaRightNow.com iltaqa’ ma’ Rosabelle Carabott, li bħalissa għaddejja bit-tħejjijiet biex is-sena d-dieħla jkun ippubblikat dan id-dizzjunarju li beda jinkiteb aktar minn 250 sena ilu minn dan l-akkademiku Għawdxi tas-Seklu Tmintax.

Id-dizzjunarju ġie transkritt mill-ġdid minn żewġ eksstudenti tal-Malti – l-istess Rosabelle Carabott u Joanne Trevisan, li bħala parti mit-teżi tagħhom għall-Baċellerat tal-Malti, iddeċidew li għandhom jikkupjaw u jippubblikaw id-dizzjunarju ta’ de Soldanis lill-pubbliku.

Fl-intervista ma’ dan is-sit, Rosabelle Carabott fissret li x-xogħol fuq dan id-dizzjunarju ilu għaddej mill-2007, meta beda l-proċess ta’ kkupjar ta’ 1,032 paġna tal-ewwel volum ta’ dik li tissejjaħ “Id-Damma tal-kliem Kartaġiniż.”

B’paċenzja liema bħalha, il-Kanonku de Soldanis kiteb erba’ volumi ta’ din id-damma fuq perjodu ta’ 19-il sena, iżda sfortunatament qatt ma ra x-xogħol tiegħu stampat peress li miet sena biss wara li spiċċa jikteb id-dizzjunarju.

Il-proċess tal-ikkuppjar intemm fl-2009, meta Rosabelle bdiet proċess ta’ editjar li baqa’ sejjer s’issa. Ix-xogħol se jkun pubblikat is-sena d-dieħla meta l-pubbliku jkun jista’ jakkwista kopja ta’ dan id-dizzjunarju, li filwaqt li se jkun l-ewwel dizzjunarju tal-Malti miktub minn Malti, se jkun it-tieni l-eqdem dizzjunarju bil-Malti li qatt inkiteb.

desoldanis2

Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis twieled f’Għawdex fil-31 t’Ottubru 1712 u miet fl-1770. Kien l-ewwel wieħed li xandar kemm felaħ fuq l-ilsien Malti u kiteb fuq l-istorja, ir-reliġjon u l-kultura tal-Maltin.

Il-Kanonku de Soldanis kien Prokuratur fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ f’Għawdex. Hu wkoll l-ewwel storjografu ta’ Għawdex u kien ukoll biblijotekarju tal-Ordni ta’ San Ġwann u l-ewwel Biblijotekarju tal-Biblijoteka tal-Belt Valletta.

Issa, bis-saħħa ta’ Rosabelle Carabott u oħrajn li qed jaħdmu fuq dan il-proġett, il-pubbliku Malti u Għawdxi se jkun jista’ jakkwista kopja tad-dizzjunarju tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn joqgħod imur kull darba l-Biblijoteka Nazzjonali. Dan għandu jwassal ukoll biex fuq kollox jiġu preservati l-manuskritti li għandhom aktar minn 250 sena.

Waqt l-intervista nnutajna lil Rosabelle tqalleb bil-galbu l-paġni tant delikati tal-manuskritti, miktuba bil-pinna ta’ de Soldanis stess. Hi spjegat li b’kollox hemm erba’ volumi, apparti volum ieħor li de Soldanis kien juża bħala prattika qabel beda jikteb l-erba’ volumi nfushom. Id-dizzjunarju li se jkun pubblikat is-sena d-dieħla se jkun tal-ewwel volum f’din il-ġabra.

desoldanis3

X’kien il-platt “qasqusa fuq ir-ross? X’kienet tfisser il-kelma “tomloħ”?

Rosabelle tispjega li fid-dizzjunarju hemm mijiet fuq mijiet ta’ kliem bil-Malti, fosthom kliem li llum il-ġurnata m’għadhomx jintużaw. Tlabniha tagħtina eżempju, u fost l-oħrajn semmiet il-kelma “tomloħ” li hu l-verb għal meta wieħed iqaxxar il-leħja.

Qaltilna wkoll li ltaqgħet ma’ kliem li fi żmien de Soldanis kellu tifsira differenti minn tal-lum. Fost dawn hemm il-kelma “oħxon”, li dari kienet tirreferi mhux għal persuna li jkollha l-piż, iżda għal xi ħadd li ma jkollux manjieri.

Id-dizzjunarju jinkludi wkoll kliem li minkejja li llum il-ġurnata għadu jintuża, kellu t-tifsira tiegħu mibdula kompletament. Fost dawn insibu l-kelma “taħmi”, li llum tintuża għal meta wieħed pereżempju “jaħmi kejk ġol-forn.” Fi żmien de Soldanis, din il-kelma kienet tirreferi għal meta wieħed jgħid kontra xi ħadd ieħor.

Id-dizzjunarju jipprovdi minjiera ta’ fatti oħra ferm interessanti u li jikxfu aktar dettall dwar l-użu tal-lingwa Maltija fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Rosabelle ġġib bħala eżempju l-qawl “il-mistoqsija oħt il-għerf”, li fi żmien de Soldanis kien “il-mistħija oħt il-għerf.”

B’xorti tajba, mis-sena d-dieħla, din il-minjiera ta’ kliem bil-Malti li kien jintuża dari issa se jkun disponibbli għall-pubbliku. Rosabelle Carabott tispjega li d-dizzjunarju hu interessanti wkoll għall-fatt li fih ammont sostanzjali ta’ tagħrif kulturali.

Dan għaliex de Soldanis kien iħobb jikteb fit-tul u għaldaqstant jipprovdi tagħrif kulturali estensiv dwar ċertu kelmiet li magħhom ikun jista’ jorbot l-akbar dettall possibbli.

Ftit jafu, pereżempju, li mitejn u ħamsin sena ilu kien popolari l-platt “qasqusa fuq ir-ross”, li Rosabelle tispjega li kien platt popolari kemm mal-bdiewa kif ukoll mas-sinjuri, u li ma kien xejn għajr majjal mimli ġobon, imsajjar il-forn fuq sodda ta’ ross u basal.

desoldanis1

Ma’ MaltaRightNow.com Rosabelle tispjega bi tbissima fuq wiċċha li fid-dizzjunarju, de Soldanis saħansitra kiteb biex jassigura li t-togħma ta’ dan il-platt kienet waħda mill-aħjar!

Il-proġett sar taħt is-superviżjoni ta’ Olvin Vella – lekċerer tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti – u bħalissa għaddej ix-xogħol finali biex il-pubblikazzjoni tkun tista’ tiġi stampata.

Din il-biċċa xogħol se tara d-dawl grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ numru ta’ entitajiet u organizzazzjonijiet fosthom l-Akkademja tal-Malti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Biblijoteka Nazzjonali, Heritage Malta, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, l-RIDT – il-Fond tar-Riċerka tal-Università, u BPC International Limited.