Lokali

Filmat: Ikomplu ż-żjarat tal-President f’Londra

F’Londra l-President żaret bosta pazjenti Maltin fosthom tarbija rikoverata fi Great Ormond Street Children’s Hospital.

Fit-tieni jum taż-żjara tagħha f’Londra l-Ingilterra, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca żaret aktar pazjenti Maltin rikoverati f’għadd ta’ sptarijiet, fosthom hija zaret tarbija ta’ għaxar xhur rikoverata fl-isptar ta’ Great Ormond Street Children’s Hospital. Iktar tard wara nofsinhar fl-istess sptar daħlu żewġt itrabi oħra Maltin ta’ għaxar xhur. F’dan l-isptar il-President ta’ Malta ġiet milqugħa mill-uffiċjali tal-isptar, Mr Chris Rockenback, u c-Chief Nurse Juliette Greenwood. Il-President ippreżentat donazzjoni lil dan l-isptar li jitratta ħafna tfal Maltin li jkollhom bżonn kura speċjalizzata.

Fl-istess sptar, il-President iltaqgħet ma’ tabiba Maltija, Dr.Daniela Grima li tispeċjalizza f’mard tal-kliewi fit-tfal. Il-President ltaqgħet ukoll ma’ Dr.Alessandro Giardini li huwa speċjalista f’mard tal-qalb fit-tfal, u li jieħu ħsieb ukoll it-tfal kollha Maltin li minn Malta jridu jmorru f’Londra għall-kura.

Wara iż-żjara fl-isptar tat-tfal, il-President ta’ Malta żaret l-isptar Nazzjonali tan-Newroloġija u l-kirurġija Newroloġika, fejn hemmhekk bħalissa qegħdin jingħataw il-kura ħames pazjenti Maltin. Il-President żaret kull pazjent Malti u ħadet il-ħin biex tisma’ dwar dak li għaddejjin minnu biex ukoll tagħti l-appoġġ kollu meħtieġ lilhom permezz tas-servizzi tal-Malta Community Chest Fund.

Iż-żjara tal-President f’Londra tissokta għada, fejn se tiltaqa’ ma’ iktar pazjenti Maltin li qegħdin jiġu akkomodati għand is-sorijiet Agostinjani u s-sorijiet Franġiskani.