Lokali

Filmat: Il-bandiera Maltija tidher f’filmat tal-ISIS; parti mill-“koalizzjoni tax-xitan”

Malta kienet inkluża f’filmat ġdid u li fih l-Istat Iżlamiku (ISIS) iddikjara theddida fil-konfront ta’ “koalizzjoni ta’ xjaten” b’riferenza għal sittin pajjiż fil-Punent.

Il-video, ta’ madwar erba’ minuti, jinkludi wkoll sensiela ta’ sittin bandiera ta’ pajjiżi fil-mira tal-ISIS, fosthom ukoll dik ta’ Malta li hi l-aħħar bandiera fis-sensiela ta’ sittin bandiera.

Fil-video tinstema’ wkoll vuċi ta’ xi ħadd li bl-Ingliż jgħid: “Aħna nbaxxu rasna biss għal Allah dment li l-fazzjonijiet l-oħrajn ikomplu jqanqlu l-messaġġi foloz tagħhom.

“Amerika, inti tiddikjara li għandek l-akbar armata fl-istorja.

“Int jista’ jkollok in-numri u l-armi, iżda s-suldati tiegħek jonqsu milli jqumu għall-okkażjoni wara t-telfiet li ġarrbu fl-Afganistan u fl-Iraq.

“Dawn jirritornaw mejtin jew suwiċidali b’aktar minn 6,500 minnhom jagħżlu li jagħmlu suwiċidju u dan ta’ kull sena.

Fit-twissija “lill-koalizzjoni tax-xjaten”, il-leħen jissokta “hemm hi l-kolazzjoni tax-xjaten mal-Iran, it-Turkija u qed tingħaqad ukoll ir-Russja.

“Dan għaliex dawk li ma jemmnux jingħaqdu wkoll biex jiġġieldu għall-verità.

“Allura kollha kemm intom lestu ruħkom. Aktar kemm tkunu, aħna aktar nkabbru t-tama tagħna. Aħna qed ngħoddukom u l-Profeta tagħna qal li dan l-għadd jilħaq it-tmenin.

“Imbagħad il-fjammi tal-gwerra finalment jaħarqukom fuq l-għoljiet tal-mewt. Lestu ruħkom. Sejħu lill-alleati tagħkom. Aħdmu kontra tagħna mingħajr ħniena. L-alleat tagħna hu l-aqwa. hu hu Allah u kull glorja tingħata lilu.”

Dan il-video iċċirkola ma’ ħafna siti fil-media soċjali u qanqal ukoll għadd ġmielu ta’ reazzjonijiet. Din kienet l-ewwel darba li isem Malta ssemma’ direttament f’materjal maħruġ mill-Istat Iżlamiku li fil-jiem li għaddew kompla jħarrax l-offensiva tiegħu ġewwa l-Ewropa b’attakki terroristiċi f’Pariġi li ħallew 130 persuna mejta.

http://www.dailymotion.com/video/x3fhh8n