Lokali

FILMAT: Il-bidla fil-klima, il-migrazzjoni, ir-radikaliżmu u l-iżvilupp diskussa fiċ-CHOGM

Aġġornata

Il-mexxejja tal-Commonwealth jindirizzaw l-aħħar konferenza tal-aħbarijiet taċ-CHOGM

Il-bidla fil-klima, il-migrazzjoni, ir-radikaliżmu u l-iżvilupp kienu fost is-suġġetti diskussa waqt il-laqgħat taċ-CHOGM li sar f’Malta u li ntemm uffiċjalment b’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġew spjegati l-konklużjonijiet ta’ dan iċ-CHOGM.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata, fost oħrajn, mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat li tkellem dwar il-bidla fil-klima, fejn spjega li l-laqgħat taċ-CHOGM li saru f’pajjiżna fil-jiem li għaddew wasslu biex kien hemm kważi qbil unanimu dwar pożizzjoni komuni dwar il-bidla fil-klima.

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi fl-aħbarijiet internazzjonali, fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Malti qal li wara dawn il-laqgħat, il-Commonwealth se jkollha rwol akbar fil-ġlieda kontra r-radikaliżmu. Qal ukoll li għandha ssir ħidma mill-għeruq ‘il fuq biex żgħażagħ u persuni f’pajjiżi mhux żviluppati ma jkunux imħeġġa jidħlu f’gruppi terroristiċi

Irrefera wkoll għall-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Commonwealth u qal li l-għażla ta’ mara f’din il-pożizzjoni bagħtet messaġġ qawwi.

Waqt il-konferenza kien hemm preżenti wkoll numru ta’ mexxejja oħra, li lkoll kellhom kliem ta’ tifħir għall-eżitu tal-laqgħat.

Fost dawn, il-President tal-Kenya, Uhuru Kenyatta li tkellem dwar kif il-pajjiżi tal-Commonwealth jistgħu jaħdmu aktar flimkien biex jintlaħqu miri ta’ żvilupp sostenibbli.

Il-President tal-Ghana, Mahama tkellem dwar modi kif jista’ jkun hemm żieda fil-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Commonwealth u żieda fil-protezzjoni tal-valuri tad-demokrazija.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Barbados, li wkoll kien preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, tkellem ukoll dwar il-bidla fil-klima u saħaq li meta d-dinja titkellem, ma jkollna l-ebda għażla ħlief li nisimgħu.