Lokali Sport

FILMAT: Il-Malti stilla internazzjonali tal-Flyboard

Minkejja li l-Flyboard huwa sport akwatiku ġdid – Malti jinsab fil-quċċata tal-klassifika internazzjonali.

L-istilla internazzjonali Malti, Simon Desira ta’ 49 sena, ilbieraħ reġa’ impressjona lill-eluf ta’ spettaturi li kienu qegħdin isegwu l-prestazzjoni tiegħu f’park tal-ilma fl-Italja, Splash di Gallipoli. Simon Desira, bil-kutrumbajsi u movimenti tiegħu fl-arja saħansitra f’għoli ta’ 15-il metru, fejn ħalla lil kulħadd b’ħalqu miftuħ fejn wara l-wirja ġie milqugħ b’applaws kbir.

Il-Flyboard ra l-bidu tiegħu fi Franza fejn persuna, bis-saħħa tal-pressa tal-ilma, jirnexxiela tagħmel moviment fl-arja b’ħeffa spettakolari fuq il-wiċċ tal-ilma.

Simon Desira s-sena l-oħra kklassifika fir-raba’ post fil-kampjonati mondjali tal-Flyboard li saru f’Dubai, filwaqt li jinsab fit-tielet post fil-klassifika internazzjonali u spiċċa fit-tielet post fl-aħħar kampjonat Ewropew li sar fi Franza. Dan kollu jikkonferma l-unur li l-Malti qed jikseb f’dan l-isport tal-ilma fuq skala internazzjonali.

Filwaqt li jdur l-Ewropa jagħmel l-ispettakli, takkumpanjah martu Joanne li hi wkoll hi l-manager tiegħu. Apparti minn hekk, Joanne wkoll tipprattika dan l-isport tal-ilma u tgħallem l-istess sport tal-Flyboard.

netnews.com.mt tkellem ma’ Simon Desira, fejn stqarr li fil-ġimgħat li ġejjin diġa’ għandu numru ta’ spettakli pjanati. Il-ġimgħa ddieħla, se jieħu sehem fi spettaklu għall-karita’, fil-Grande Spettacolo dell’Acqua f’Monteverde fl-Italja, li tattira mal-ħamest elef ruħ kuljum għall-għoxrin jum.

simon desira 2