Lokali

FILMAT : Il-PM Joseph Muscat jerġa’ jaħrab – din id-darba minn bieb tal-emerġenza

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħarab għal darb’ohra u għat-tieni ġurnata infila mill-ġurnalisti li kienu qed jistennewh barra l-Aula Magna, fl-Università l-Antika tal-Belt Valletta.
Fi tmiem ċerimonja li matulha ngħataw ċertifikati lil uffiċjali li jaħdmu fis-servizz pubbliku, wara li attendew għal korsijiet akkreditati differenti, il-ġurnalisti nġabru barra l-Aula Magna jistennew lill-Prim Ministru imma dan ħarab minn bieb tal-emerġenza.
https://www.facebook.com/MaltaRightNow/videos/10154889976824026/
Il-ġurnalisti minn stazzjonijiet differenti xtaqu jistaqsu fost l-ohrajn dwar id-dikjarazzjoni tal-Ministru bla portafoll Konrad Mizzi, li fil-Qorti ma semmiex liem kumpanija tal-awditjar qed tagħmel awditjar tal-kumpaniji tiegħu li ħeba fil-Panama. Mistoqsi dwar dan, Konrad Mizzi qal li l-mistoqsija għandha ssir lill-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru qed tiżdiedlu l-pressjoni wkoll fuq numru ta’ kontroversji nkluż il-kunflitt ta’ interess ta’ Keith Schembri fil-każ tal-kumpanija Crane Currency, li aktarx tuża għall-ewwel darba magni li jissupplixxu Kasco.
Pressjoni wkoll dwar il-kriżi tat-traffiku f’Malta, tant li fid-diskors tiegħu dalgħodu anke l-Prim Ministru stess tefa’ botta lill-Ministru Joe Mizzi. Dan hekk kif, waqt li kien qed jitkellem dwar is-servizz pubbliku, qabbel lilu nnifsu ma’ xufier, “din il-ġimgħa bi ftit iktar, anzi ħafna iktar traffiku mis-soltu.”
Din kienet it-tieni darba li l-Prim Ministru ma hax mistoqsijiet lill-ġurnalisti. Ilbieraħ il-ġurnalisti ssejħu għal konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja iżda telaq ‘il barra mingħajr ma ta l-opportunità li l-ġurnalisti jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.