Lokali

FILMAT: Il-Prim Ministru jammetti li l-proġett tal-powerstation se jerġa’ jittardja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu ammetta li l-proġett tal-powestation tal-gass se jkun qed jerġa’ jittardja. Il-proġett oriġinarjament kellu jkun lest sa’ Marzu 2015.

Muscat kien qed jindirizza lill-media fil-Belt Valletta meta kien mistoqsi dwar il-proġett tal-powerstation, li kienet il-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet.

Iżda l-Prim Ministru qal li fl-aħħar ġimgħat kienet qed issir reviżjoni tal-kalendarju ta’ tlestija tal-proġett u qal li fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jagħti aġġornament dwar is-sitwazzjoni, għax l-anqas hu stess għadu ma jaf b’kemm-il xahar se jkun qed jittardja l-proġett.

Qabel l-elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li jinsab “konvintissimu” li l-Gvern se jilħaq il-mira li l-powerstation tkun lesta sa’ sentejn wara, jiġifieri sa’ Marzu 2015. Iżda f’Diċembru 2014, il-Ministru Konrad Mizzi kien ħabbar li l-proġett kellu jittardja sa’ Ġunju 2016. Issa qed ikun ikkonfermat li l-anqas din id-deadline m’hi se tintlaħaq.

Waqt il-programm Dissett, il-Prim Ministru kien qal li se jirriżenja jekk il-proġett tal-powerstation ma jkunx lest fi żmien sentejn mill-elezzjoni.