Aġġornata b’filmat
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella biex kulħadd jagħti sehmu biex titwettaq il-viżjoni tiegħu li ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’. Wiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi indipendenza li terġa’ tagħti lill-poplu dak li hu tiegħu – ir-riedni tassew f’idejh u s-saħħa tassew f’idejh. Indipendenza li terġa’ tagħti l-pajjiż lura f’idejn il-poplu.
F’mass meeting Fuq il-Fosos tal-Furjana lbieraħ filgħaxija fl-għeluq tal-festi li l-Partit Nazzjonalista organizza biex ifakkar it-52 sena mill-kisba tal-Indipendenza, Simon Busuttil fakkar fl-appell li għamel din il-ġimgħa li jrid jibni Koalizzjoni Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni. Koalizzjoni favur politika nadifa, favur il-ġustizzja soċjali u favur kwalità ta’ ħajja aħjar.
F’din il-koalizzjoni, Simon Busuttil qal li jilqa’ lil dawk kollha ta’ rieda tajba, inklużi Laburisti ġenwini li jħossu li l-partit tagħhom biegħ ruħu.
F’isem il-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qal li b’umiltà imma b’determinazzjoni, qiegħed jitlob il-fiduċja fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, biex immexxi dan il-pajjiż bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Enfasizza li l-PN se jkun lest għall-elezzjoni u se jirbaħha għax ma jibżax mill-isfidi.
“Nemmen li jekk ningħaqdu flimkien, jekk naħdmu flimkien, jekk inħarsu ‘l quddiem, nistgħu naslu u nagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi l-indipendenza li tassew jixraqlu. U għalhekk insejħilkom biex tagħtu sehemkom ħalli nirnexxu lkoll flimkien”, saħaq il-Kap tal-PM SimonBusuttil.
Simon Busuttil elenka tul id-diskors tiegħu, punti importanti dwar x’se jagħmel Gvern immexxi minnu biex il-poplu u l-pajjiż nirnexxu lkoll flimkien.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar iż-żjara emozzjonanti li għamel fit-tarzna l-ġimgħa li għaddiet, l-ewwel darba li Kap tal-Partit Nazzjonalista żar it-tarzna li fissirha bħala s-simbolu tal-ħaddiema. Semma wkoll il-ħafna laqgħat ta’ kuljujm ma’ ħaddiema oħrajn bħall-ħaddiema tal-Freeport, tal-Enemalta, tal-Air Malta, tal-isptar t’Għawdex, il-ħaddiema tal-fabbriki, il-ħaddiema professjonisti, il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda.
Dwar il-ħaddiema li fissirhom bħala s-sinsla ta’ pajjiżna, Simon Busuttil qal li l-ħaddiema llum qed jindunaw li ċ-ċifri sbieħ tal-ekonomija li tant jiftaħar bihom il-Gvern, mhu qed isarrfu xejn għalihom.
Appella lill-ħaddiema li llum iħossuhom traduti mill-Gvern Laburista għax użahom għall-vot imma issa remihom, li l-Partit Nazzjonalista ma jarmihomx għax qalb il-Partit Nazzjonalista hi mal-ħaddiema u se jkun qiegħed iservihom, mhux jisserva bihom.
Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-ġenituri bit-tfal li jridu jgħaddi bi dħul baxx ħafna. Semma li xirja ta’ ġimgħa mhux vera tiswa €25 kif qal il-Ministru li għandu kumpanija l-Panama. Wiegħed li Gvern li jmmexxi hu jkun Gvern sensittiv li jgħin lil dawn il-ġenituri aktar, u mhux jintefqu flus bħalma kien fil-każ tal-Cafe Premier jew fil-każ ta’ Gaffarena.
Appella wkoll lil dawk li jgħixu f’post mikri, u li jiffaċċjaw ir-realtajiet finanzjarji diffiċli ta’ kuljum u li min qed jiffanga u jisker fuq il-mejda tal-flus u tal-poter ma jistax jara. Wiegħed li min jikri mill-privat jingħata sussidju aħjar u kkritika lill-Gvern li tilef il-boxxla soċjali meta żied il-ħlas fil-kera fuq l-akkomodazzjoni soċjali li fissirha bħala taxxa fuq il-faqar. Wiegħed li Gvern immexxi minnu jerġa’ jbaxxi l-kera lura għal li kienet.
F’appell lill-anzjani, Simon Busuttil qal li wasal iż-żmien li l-pensjoni tiżdied għal kulħadd u li hemm mod kif dan jista’ jsir b’mod sostenibbli. Fisser ukoll li wasal iż-żmien li l-pensjonanti ma jħallsux taxxa fuq il-pensjoni, li ma jibqgħux iħallsu taxxa bil-35% fuq il-flus li jinvestu fix-shares, u li l-mediċina li għandhom bżonn l-anzjani, tkun xi tkun, jeħduha b’xejn.
Il-Kap tal-PN semma wkoll każi oħrajn serji u nkwetanti ta’ nies b’mard serju, bħall-kanċer. Saħaq li min għandu bżonn kura jeħodha bi dritt, mhux bi pjaċir jew irid imur jittallab għand il-President.
Dwar l-appuntament għal operazzjoni wiegħed li Gvern immexxi minnu ma jħalli lil ħadd jinqabeż u ma jkunx hemm għalfejn jittallab għand l-ebda ministru għax tinqeda skont l-urġenza medika tiegħek u mhux skont meta jgħidu ta’ Kastilja.
U biex il-poplu jgħix stil ta’ ħajja li tevita problemi ta’ saħħa, Simon Busuttil qal li Gvern Nazzjonalista jerġa’ jibda jinvesti bil-kbir f’faċilitajiet u fi programmi sportivi anki għall-pubbliku inġenerali biex kulħadd ikollu ċ-ċans jevita problemi ta’ saħħa.
Filwaqt li sellem lil-vittmi tad-droga li jridu wkoll jiġu megħjuna biex nirnexxu lkoll flimkien, Simon Busuttil sellem lil Kevin Vella, persuna b’diżabbiltà li ħalliena ftit ilu. Spjega li l-memorja tiegħu se ssaħħaħ fil-PN l-impenn favur il-persuni b’diżabbiltà.
//= $special ?>