Lokali

Filmat: Ir-‘reshuffle’ kien biss teatrin – Simon Busuttil f’kummenti lil TGCOM

B’din ir-reshuffle, Joseph Muscat kompla jagħmel il-ħsara lill-Gvern li jmexxi u lill-pajjiż. Dan kien biss teatrin li juri l-irresponsabbiltà tal-Prim Ministru. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervent telefoniku fuq l-istazzjon rinomat Taljan TGCOM.

Simon Busuttil qal li s-sitwazzjoni f’pajjiżna tibqa’ waħda diffiċli meta wieħed jikkunsidra l-involviment dirett ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, li hu politikament responsabbli għalihom il-Prim Ministru Muscat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-pajjiż kien qed jitlob ir-riżenji tal-persuni invouti fil-kumpaniji sigrieti fil-Panama, jiġifieri Konrad Mizzi u Keith Schembri, li s’issa nafu li għandhom kumpanija kull wieħed. Madankollu, ir-reshuffle fil-Kabinett wera li għandna kriżi fil-Gvern u kriżi ta’ korruzzjoni.

Simon Busuttil qal li jidher li għad fadal xi nsiru nafu f’dan l-iskandlu internazzjonali. Madankollu, innota li sal-lum, il-Pulizija Maltija għadha lanqas biss bdiet tinvestiga s-sehem ta’ Maltin.

Bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, hu wiegħed l-impenn li l-Partit ikompli jaħdem ħalli pajjiżna jkollu Gvern li jmexxieh fit-trankwillità li wieħed jistenna minn pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea.