Lokali

Filmat: Konrad Mizzi skomdu quddiem il-kameras wara li joħroġ minn laqgħa sigrieta

Imur mill-inqas tlett darbiet l-uffiċini tax-Shaghai Electric b’karozza mingħajr pjanċi tal-Gvern

Il-Ministru Konrad Mizzi irrifjuta li jagħti dettalji ta’ laqgħa sigrieta li kellu f’Ta’ Xbiex mar-rappreżentanti tal-kumpanija Shanghai Electric f’Malta.

Sorsi qrib MaltaRightNow.com infurmaw lil dan is-sit bil-laqgħa li kienet għaddejja f’Whitehall Mansion f’Ta’ Xbiex, fejn il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi deher dieħel il-Ħamis filgħodu, għall-ħabta tad-disa’ neqsin kwart għal laqgħa li damet minn tal-inqas siegħa u kwart.

Viżibbilment skomdu bil-preżenza tal-ġurnalisti ta’ MaltaRightNow.com malli ħareġ mill-binja, il-Ministru Konrad Mizzi rrifjuta li jagħti dettalji tal-laqgħa li kellu.

F’Whitehall Mansion hemm l-uffiċji ta’ Shanghai Electric, il-kumpanija tal-Gvern Ċiniż li xtrat il-Power Station u l-impjant tal-BWSC. Fl-istess binja hemm ukoll l-uffiċji tal-amministraturi tal-bejgħ taċ-ċittadinanza f’Malta – Henley and Partners.

Konrad Mizzi twassal minn karozza bla pjanċi tal-Gvern u deher dieħel flimkien ma’ persuni li aktarx huma uffiċjali ta’ Shanghai Electric.

Mistoqsi għalfejn mar għal din il-laqgħa b’karozza mingħajr pjanċi, Konrad Mizzi kien skomdu jwieġeb u ma tax dettalji.

Il-laqgħa li kellu Konrad Mizzi, li jidher li l-intenzjoni kienet li tkun sigrieta, saret hekk kif l-attenzjoni tal-media Maltija tinsab fuq żjara li ġurnalisti Maltin qed jagħmlu fl-Isvezja, fejn fosthom hemm anke’ ġurnalist ta’ MaltaRightNow.com.

Iżda dik tal-Ħamis filgħodu ma kinitx l-unika laqgħa li Konrad Mizzi kellu bil-mohbi tal-attenzjoni pubblika. Sorsi qrib dan is-sit spjegaw kif anke’ l-Erbgħa, l-Ministru deher dieħel fl-istess binja f’żewġ okkażjonijiet separati.

Iżda mistoqsi għalfejn dan il-ħabi kollu, il-Ministru qalilna li m’hu qed jaħbi xejn, u awguralna l-ġurnata t-tajba filwaqt li baqa’ sejjer fi triqtu mingħajr ma żvela d-dettalji tal-laqgħat li nqabad li kellu s’issa f’Whitehall Mansion mal-uffiċjali tax-Shanghai Electric f’Malta.

Konrad Mizzi-8173

 

Ritratt: il-karozza barra Whitehall Mansion li biha Konrad Mizzi mar għal din il-laqgħa, karozza mingħajr pjanċi tal-Gvern.