Lokali Parlament

FILMAT : “Liema hu l-vera Baġit?” – Simon Busuttil

Id-diskors li nqara u d-dokument tal-Baġit li ppreżenta l-Ministru tal-Finanzi fil-Parlament huma differenti għaliex jitkellmu fuq miżuri differenti

L-Oppożizzjoni nsistiet fil-Parlament biex il-Gvern jiddikjara fil-Parlament liema hu l-baġit li ppreżenta għall-2016 minħabba li d-diskors li nqara u d-dokument tal-Baġit li ppreżenta l-Ministru tal-Finanzi mad-diskors, kienu differenti għaliex jitkellmu fuq miżuri differenti.

Din l-insistenza tal-Oppożizzjoni tressqet għall-attenzjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia u tal-Parlament minħabba li fil-bidu tas-seduta tal-lejla l-Parlament approva l-minuti tas-seduta tal-bieraħ filgħaxija u għalhekk approva dak kollu li seħħ ilbieraħ u li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Approva żewġ dokumenti tal-Baġit differenti u b’diskrepanzi mhux żgħar.

Bil-Whip tal-Gvern, id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, jammeta li sar żball meta l-Gvern qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-working document u mhux id-Dokument tal-Baġit li jaqbel mad-diskors tal-Baġit, il-Kap tal-Oppożizzjoni nsista li l-Gvern għandu jiddikjara b’mod immedjat fil-Parlament u jikkoreġi l-iżball. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Parlament, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, għadu b’żewġ dokumenti dwar il-Baġit differenti u li qed iħabbru miżuri differenti.

Bħala eżempju tad-diskrepanzi ċari bejn id-dokument u d-diskors tal-Baġit il-Kap tal-Oppożizzjoni semma kif fid-dokument tal-Baġit tħabbar li l-istudenti Għawdxin jingħataw €800 aktar u fid-diskors intqal li se jingħataw żieda ta’ €300 biss – deskrepanza kbira.
Eżempju ieħor hu fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tal-bolla qabel tieħu l-pensjoni, li fil-Baġit intqal li se titla minn 40 sena għal 41 sena għal dawk li twieldu wara l-1968, u fid-dokument tal-Baġit ma jissemma xejn. Irrimarka lill-Ispeaker biex il-Gevrn jgħid liema hu l-vera Baġit għax il-Parlament għandu żewġ dokumenti differenti.

Il-Whip tal-Gvern qal li dwar id-dokument li tpoġġa bi żball ilbieraħ ħarġet stqarrija fejn il-Gvern ammetta li kien żball. Ammetta li dak li ġie ppreżentat kien working document, u hu d-diskors li nqara mill-Ministru tal-Finanzi li jgħodd.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil flimkien mal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi, Mario de Marco, insitew li l-President tal-Kamra għandu jagħti ruling minħabba li ma kinux ikkoreġuti l-minuti b’mod uffiċjali mill-Gvern u agħar minhhekk, il-Parlament għadu b’dokumenti tal-Baġit b’miżuri differenti.

L-Oppożizzjoni tabet lill-Ispeaker jissospendi l-Kamra u jagħti ruling dwar din id-diskrepanza u d-dokument żbaljati li tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Whip tal-Gvern irrimarka li qiegħed jiġi stampat mill-ġdid id-dokument tal-Baġit proprja u li jaqbel mad-diskors tal-Baġit.

Qabel mal-President tal-Kamra ddikjara li se jagħti ruling mill-aktar fis possibbli, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li l-Oppożizzjoni qed titkellem fuq Baġit u mhux dokument stampat bi żball, iżda żewġ dokumenti differenti, kontradittorji u li huma mniżżla wkoll fil-minuti tal-Kamra bħala dokumenti tal-Kamra.

L-Ispeaker kien mitlub mill-Kap tal-Oppożizzjoni jagħti ruling dwar il-validità tad-dokumenti tal-Baġit.