Lokali

FILMAT: “Ma baqagħli xejn” – l-omm li nqerdilha l-appartament fejn tgħix ma’ erbat itfal

“Ma baqagħli xejn,” qaltilna Daniela, omm ta’ erbat itfal, bid-dmugħ f’għajnejha.

Ma’ netnews.com.mt, Daniela Deguara iddeskriviet it-trawma li hi u l-erbat itfal tagħha għaddew minnha wara li l-appartament tagħhom f’Ħal Tarxien inqered kompletament min-nirien li ħakmuh.

B’xorti tajba, kemm l-omm kif ukoll it-tfal tagħha jinsabu qawwijin u sħaħ wara li kellhom iqattgħu lejl l-isptar għall-osservazzjoni.

L-inċident seħħ it-Tnejn, meta l-omm, akkumpanjata mill-erbat itfal tagħha, innutaw duħħan qawwi fl-appartament u kellhom ikunu evakwati mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili. In-nirien qerdu l-appartament tal-gvern kompletament.

Bid-dmugħ f’għajnejha, l-omm tirrakkunta dak li seħħ fil-bidu ta’ dil-ġimgħa, meta wieħed mit-tfal tagħha induna bid-duħħan waqt li hi kienet qed tonxor. “Qbadt it-tfal u ħriġthom fil-gallarija u minn hemm bdejt ngħajjat għall-għajnuna,” irrakkuntat l-omm.

“L-importanti kien li ma jweġġgħux it-tfal,” qaltilna Daniela, li kompliet li ma kinitx tkun problema li tweġġa’ hi sakemm ma jweġġgħux it-tfal.

“Ma baqgħalna xejn,” qaltilna bid-dmugħ f’għajnejha Daniela, filwaqt li rringrazzjat minn qalbha lil dawk kollha li s’issa wrew l-appoġġ tagħhom billi taw donazzjonijiet ta’ flus, ħwejjeġ u oġġetti oħra li kull omm bit-tfal tista’ tkun teħtieġ.

Sakemm tkun tista’ terġa’ lura fl-appartament tagħha, il-familja Deguara qed tingħata akkomodazzjoni alternattiva mill-awtoritajiet.

Kull għajnuna għall-familja Deguara hi apprezzata. Jista’ jsir kuntatt ma’ Marlene Deguara, oħt Daniela, fuq in-numri 9982 4086 u 7747 5502.

L-intervista sħiħa tkun pubblikata fil-ħarġa ta’ għada ta’ In-Nazzjon