Lokali

Filmat: Muscat ma jara l-ebda kunflitt ta’ interess bejn il-Kasco u Crane Currency

Għall-Prim Ministru Joseph Muscat ma jeżisti l-ebda kunflitt ta’ interess li ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, sid il-kumpanija Kasco Ltd, jissuplixxi l-makkinarju tal-kumpanija Crane. Anzi, jistaqsi għaliex m’għandux ikun dan.

Il-kumpanija Crane Currency tipproduċi l-karti tal-flus, u issa sar magħruf mill-midja li l-kumpanija se tagħmel użu minn makkinarju li tissuplixxi l-kumpanija taċ-Chief of Staff Keith Schembri.

Dan ma kienx miċħud mill-Prim Ministru, li mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk hux se jkunu Kasco li jissuplixxu l-makkinarju, wieġeb li m’għandux idea. Mistoqsi jekk iħossx li hemm xi tip ta’ kunflitt ta’ interess miċ-Chief of Staff tiegħu, naqas milli jwieġeb u qal biss li ma jarax għala “kumpanija privata li tirbaħ sejħa għall-offerti għandha tkun skwalifikata.”

Iżda l-kumpanija privata li qed jirreferi għaliha l-Prim Minsitru Joseph Muscat mhix kumpanija kwalunkwe, imma hi l-kumpanija taċ-Chief of Staff tiegħu – wieħed mill-eqreb persuni ta’ Muscat u fuq kollox, fi kliem Muscat stess, kellu rwol importanti ħafna biex il-kumpanija Crane tiġi f’Malta.

“Jien irringrazzjajtu, tar-rwol li għamel biex jiffaċilità l-affarijiet u din il-kumpanija issa se tibda topera f’Malta,” qal Muscat.

Parti mix-xogħol li se tagħmel Crane Limited hu x-xogħol li kien isir mill-kumpanija De La Rue, li se tnaqqas il-ħidma tagħha f’Malta, bil-konsegwenza wkoll ta’ telf ta’ impjiegi.
B’reazzjoni għal dan, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jispjega x’sehem kellu ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri fin-negozjati li saru mal-kumpanija Crane Currency.

Filwaqt li fisser din is-sitwazzjoni bħala kunflitt ta’ interess ovvju f’dan in-negozju, qal li l-poplu Malti u Għawdxi għandu jkun jaf jekk minn dan in-negozju, ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru hux se jkun qed idaħħal il-flus fil-but – kemm direttament kif ukoll indirettament.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal żmien twil jgħid li Keith Schembri għandu jitneħħa, mhux biss minħabba li fetaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama wara li sar Chief of Staff biex fiha jpoġġi l-commissions, iżda anke minħabba l-kunflitti kbar ta’ interess li għandu bejn il-pożizzjoni pubblika u n-negozju privat tiegħu.