Lokali

FILMAT: Muscat ma jiċħadx li deputati Laburisti mhux se jikkontestaw l-elezzjoni wara d-“deċiżjoni” dwar Konrad Mizzi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ċaħadx meta kien mistoqsi minn NETnews.com.mt jekk kienx hemm deputati Laburisti li qalulu li mhux se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss b’konsegwenza tad-deċiżjoni li ħa dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Kien nhar il-Ħamis li għadda meta l-Prim Ministru ħabbar “deċiżjoni” dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri, wara xahrejn ta’ inċertezza dwar il-futur politiku tagħhom fid-dawl tal-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Fid-deċiżjoni tiegħu, Muscat ħabbar li Konrad Mizzi se jibqa’ Ministru (għalkemm bla portafoll) filwaqt li Keith Schembri se jżomm postu bħala Chief of Staff fl-Uffiċju tal-Prim Ministru.

NETnews.com.mt staqsa lill-Prim Ministru jekk jikkonfermax li kien hemm deputati li qalu li mhux se jikkontestaw l-elezzjoni wara li ħa d-deċiżjoni tiegħu dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri, bil-Prim Ministru ma jiċħadx u jwieġeb biss “le, ma nikkonfermax”.

Mistoqsi dwar jekk għalih, il-każ tal-iskandlu tal-Panama huwiex magħluq, Muscat wieġeb li se jkun il-poplu li se jiddeiċedi dwar dan.