Filmat: “Nixtieq nagħti l-informazzjoni kollha imma hemm proċeduri legali” – il-President

Aġġornata b’filmat: “Nixtieq nagħti l-informazzjoni kollha imma hemm proċeduri legali.” Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet dan meta netnews.com.mt staqsa lill-President jekk issejħitx mill-Inkjesta Maġisterjali wara l-inċident tal-Ħadd waqt Paqpaqli għall-Istrina.

Fil-kummenti tagħha, il-President qalet li tixtieq tagħti l-informazzjoni kollha, pero’ wieħed irid jifhem li għandha funzjoni ta’ President tal-pajjiż.

“L-ewwel nett, il-funzjoni tiegħi hi li nieħu ħsieb in-nies kif dejjem għamilt, pero’ imbgħad, il-funzjoni ta’ President titlob li nkun gwardjan tal-Kostituzzjoni,” qalet il-President Coleiro Preca ma’ netnews.com.mt, u kompliet, “jekk nitkellem żejjed, meta hemm proċeduri legali għaddejjin, inkun qed nagħmel xi ħaġa kompletament bil-maqlub ta’ dak li hu mistenni minni bħala President ta’ Malta.”

Netnews.com.mt staqsa wkoll lill-President ta’ Malta dwar kif għexet din l-aħħar ġimgħa, minn meta seħħ l-inċident. Fit-tweġiba tagħha, l-President Coleiro Preca sostniet li għexet din il-ġimgħa b’qalbha sewda.