Lokali

FILMAT: “Qed noqgħod attent kif nitkellem” – Owen Bonnici dwar l-iskandlu tal-visas mediċi

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici rrifjuta li jgħid x’inhi l-opinjoni tiegħu dwar jekk l-Avukat Ġenerali għandux jagħti l-protezzjoni tiegħu lil Khaled Ben Nassan, il-Libjan li kixef l-iskandlu tal-visas mediċi.

L-iskandlu jinvolvi lill-persuna ta’ fiduċja ta’ Joseph Muscat – Neville Gafà, li skont Ben Nassan, żamm għandu eluf ta’ ewro b’mod abbużiv minn applikazzjonijiet għall-visas mediċi li ma mmaterjalizzaw qatt.

Wara li l-iskandlu kien żvelat, il-ġurnal The Times irrapporta li l-Pulizija kienu qed jikkunsidraw li jieħdu passi kontra l-bniedem li żvela l-iskandlu. Mistoqsi dwar dan, u jekk jaħsibx li l-Avukat Ġenerali għandu jipproteġi lir-raġel minn prosekuzzjoni, Owen Bonnici rrifjuta li jagħti l-opinjoni tiegħu.

“Kburi li għamilna liġi (il-liġi dwar il-whistleblowers) fejn mhux il-Ministru jiddeċiedi jew jagħti opinjoni, imma hemm proċess oġġettiv”, qal il-Ministru fir-risposti tiegħu għall-mistoqsijiet ta’ dan il-ġurnal.

Pressat minn dan il-ġurnal biex jgħid x’inhi l-opinjoni tiegħu, aktar milli x’inhi s-sistema skont il-liġi biex wieħed jingħata l-protezzjoni tal-Avukat Ġenerali, Owen Bonnici reġa’ rrifjuta li jwieġeb “qed noqgħod attend x’ngħid” qalilna, waqt li żied li “l-politiku m’għandux jagħti ġudizzju li jgħawwġu l-idejn tal-awtoritajiet”.

Staqsejna wkoll lill-Ministru jekk jaħsibx li l-investigazzjoni dwar Neville Gafà kinitx wiegħsa biżżejjed bil-Ministru, għal darb’oħra, jirrifjuta li jgħid, bħala Ministru, kif jaħsibha.

“Ikun ħażin għal kwalunkwe Ministru li joqgħod jagħti pronunzjamenti dwar l-investigazzjoniiet,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.