Lokali

Filmat: Raġel arrestat wara li ħebb għal Spettur tal-Pulizija – żewġ karozzi sekwestrati

Malti ta’ 50 sena residenti l-Imqabba ġie arrestat wara li aggredixxa u weġġa’ Spettur tal-Pulizija mit-taqsima tat-traffiku, Sergio Pisani, f’każ li seħħ għall-ħabta tal-11:30.

Jirriżulta li kollox beda meta l-ispettur u żewġ uffiċjali oħra, it-tnejn mis-Sezzjoni tat-Traffiku, waqqfu lir-raġel qrib ir-roundabout magħrufa bħala Tas-Srina, fil-limiti tal-Imdina, allegatament minħabba li dan deher isawwat lil martu fil-karozza stess qrib stall ta’ fjuri u affarijiet oħra relatati ma’ Jum San Valentinu.

Incident Rabat (1)

Kif ġie avviċinat mill-Pulizija, is-sewwieq arrestat li kien qed isuq BMW ta’ lewn abjad bi pjanċi tar-reġistrazzjoni barranin, ħebb għall-Ispettur u fajjarlu daqqa ta’ ponn. L-agressur saħansitra deher bid-demm tal-Ispettur ma’ wiċċu.

Finalment hu trażżan mill-uffiċjali l-oħra li kienu qed jakkumpanjaw lill-ispettur ferut u kien hawn li r-raġel ġie mmanettjat u fil-post waslu wkoll iktar Pulizija tat-traffiku, kif ukoll dawk tad-distrett u l-RIU.

555A4759

L-Ispettur aggredit sofra ġrieħi ħfief u ttieħed l-Isptar Mater Dei biex jingħata l-kura meħtieġa.

Madankollu, skont l-Ispettur Sandro Camilleri, il-President tal-Police Officers’ Union, sarulu xi testijiet hekk kif jista’ jagħti l-każ li jiżviluppawlu xi kumplikazzjonijiet ta’ saħħa f’għajnejh.

Sadattant il-Pulizija ssekwestraw żewġ vetturi, il-BMW X6 tar-raġel arrestat u oħra ta’ lewn abjad tat-tip Audi, it-tnejn bi pjanċi barranin.

Madankollu jidher li l-Audi ma kelliex x’taqsam ma’ dan il-każ u ttieħdet mill-Pulizija għal raġunijiet oħra, aktarx minħabba li l-aħħar taxxa li tħallset fuqha skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2014. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Dan il-każ wassal biex għal xi ħin inġema’ ammont ta’ traffiku fil-bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ, fid-direzzjoni ta’ din ir-roundabout, kif ukoll vetturi ġejjin minn naħa ta’ Ħ’Attard lejn l-istess direzzjoni.