Lokali

Filmat: Reazzjoni pożittiva għall-proposti tal-PN dwar is-settur tal-kostruzzjoni mill-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin.

L-Assocjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin sodisfatta bil-laqgħa li kellha mal-Kap u d-delegazzjoni tal-PN u li fiha l-Kap tal-PN Simon Busuttil ħabbar il-proposta tal-PN li jkun hemm tnaqqis fil-capital gains tax.

F’din il-laqgħa l-Partit Nazzjonalista għamel tliet proposti intenzjonati biex is-settur tal-kostruzzjoni jtejjeb il-kwalita tal-hajja. Proposti li ġabu reazzjoni pożittiva tal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, Sandro Chetcuti.

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista jaħsbu biex ikun hemm tnaqqis fit-taxxa meta tinxtara propjeta f’zona li għandha bżonn riġenerazzjoni urbana bhall-Ħamrun, Bugibba, l-Qawra u l-Marsa.

Proposta ohra hi li jingħataw inċentivi fiskali biex kumpaniji li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni jgħollu l-istandards ambjentali taghhom meta jahdmu bil-makkinajru li jużaw u li jingħataw inċentivi għall-kumpaniji li jħaddmu l-ogħola livelli ta’ enerġija effiċjenti.

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin sodisfatta wkoll bl-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jlaqqa’ madwar l-istess mejda lill-iżviluppaturi u lill-ambjentalisti.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti fuq masterplan nazzjonali mifrux fuq 10 snin biex ikun assigurat li l-pajjiż ikollu toroq u bankini kif suppost kif ukoll sistema’ alternattiva ta’ trasport pubbliku.