Lokali

FILMAT: Serqa ta’ Ostji kkonsagrati minn kunvent fil-Belt għal skopijiet sataniċi

Il-Pulizija qed tinvestiga serqa ta’ ostji kkonsagrati mill-Kunvent tal-Franġiskani tal-Belt Valletta. Is-serqa seħħet ilbieraħ.

Kien il-Gwardjan u l-Viċi-Provinċjal Fr. Marcellino li nduna li l-pissidi bl-ostji kkonsagrati kien nieqes. Il-pissidi kien f’tabernaklu li hemm f’kamra fil-kunvent li tintuża bħala kappella, li fiha, l-patrijiet jiltaqgħu biex jitolbu tlett darbiet kuljum.

“Ilbieraħ ġejt biex inqarben il-morda li hawn madwarna u sibt it-tabernaklu vojt, mingħajr il-pissidi u l-ewkaristija fih” spjega Fr. Marcellino ma’ NETnews.com.mt, li esprima “x-xokk” li l-komunità Franġiskana ħasset wara dan l-episodju.

Kunvent San Frangisk Serq Ostji-1503
Is-serqa saret minn tabernaklu li jinsab f’kamra li tintuża bħala kappella fil-kunvent. Il-patrijiet jiltaqgħu għat-talb tlett darbiet kuljum f’din il-kappella (Ritratt: Martin Agius)

“Huwa sagrileġġ li wieħed jisraq l-ewkaristija” fisser Fr. Marcellino. “Inħossni demoralizzat għall-fatt li din ma kontx qed nistennieha,” żied jgħid il-Gwardjan tal-kunvent, “skont il-fidi tagħna l-ewkaristija tfisser preżenza reali. Issa immaġina jekk xi ħadd jisraqlek l-akbar ħabib tiegħek,” spjega l-Viċi-Provinċjal lil dan is-sit.

Kunvent San Frangisk Serq Ostji-1504
Fr. Marcellino spjega x-“xokk” wara s-serqa tal-ewkaristija mill-Kunvent tal-Franġiskani fil-Belt (Ritratt: Martin Agius)

Il-Pulizija bħalissa qed iżomm numru ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija b’rabta mal-każ. Madanakollu, skont informazzjoni li għandu NETnews, mhux neċessarjament li min seraq il-pissidi bl-ostji kkonsagrati se jkun qed jipparteċipa fir-riti sataniċi hu stess.

Filfatt, l-ostji kkonsagrati aktarx insterqu bil-għan li jinbiegħu lis-satanisti li fl-okkażjoni tal-qamar kwinta li jmiss se jipparteċipaw fil-“quddiesa s-sewda”. Ma’ NETnews.com.mt, Fr. Marcellino spjega li hija realtà li ħafna Maltin qed jisirqu l-ewkaristija. “Din mhux l-ewwel storja li ġrat, u qed tiġri fis-soċjetà tagħna ta’ spiss aktar milli nimmaġinaw,” qalilna Fr. Marcellino.

Is-suq tal-bejgħ tal-ostji kkonsagrati qed jikber anke f’pajjiżna. Filfatt, ostja kkonsagrata waħda tista’ ġġib prezz ta’ madwar €50. Dan jagħmel is-serq tal-ewkaristija attraenti għal min ma jkollux flus biex jgħix.

Kunvent San Frangisk Serq Ostji-1500
It-tabernaklu li minnu nsteraq pissidi b’madwar 10 Ostji kkonsagrati (Ritratt: Martin Agius)

Filmat u muntaġġ: Joe Francalanza u Beverly Abela