Lokali Mużika

Filmat: Shyli se tkanta fi duet mal-Hooligan

Shyli, iż-żagħżugħa ta’ 16-il sena li f’inqas minn 24 siegħa saret ċelebrita wara li kitbet u kantat kanzunetta rap dwar ħajjitha, irċeviet l-opportunita’ li tkanta fi duet mal-Hooligan.
B’hekk Shyli mistennija taħdem ma’ rappers li ilhom fix-xena lokali, fost l-oħrajn Digby, minbarra l-istess Hooligan li matul l-aħħar snin ta spinta enormi lix-xena tar-rap f’pajjiżna.

Din l-aħbar tasal hekk kif il-kanzunetta tagħha intlaqgħet tant tajjeb u saret viral, tant li immedjatament wara li ppublikatha fuq Facebook, Shyli rċeviet xita’ ta’ kummenti pożittivi minn kantanti u artisti rinomati fix-xena tal-mużika lokali.
Fost dawn Ira Losco, li se tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision ta’ din is-sena. Fuq Facebook hi fissret lil Shyli bħala persuna b’talenti, u qalet li nies bħalha għandhom jiġu nkoraġġiti u ċelebrati.
Tifħir ukoll minn Joven Grech, wieħed mid-duo ta’ DJs Tenishia, li filwaqt li qal li r-rap mhux l-istil tiegħu, kien impressjonat bil-kanzunetta ta’ Shyli, li fisirha bħala artista ta’ talent li għandha l-vuċi u l-mużika fiha.
Anke’ Gaia Cauchi, it-tfajla żagħżugħa rebbieħa tal-Junior Eurovision Song Contest tal-2013, qasmet din il-kanuznetta fuq Facebook u fissritha bħala “tal-għaġeb.”
Il-kanzunetta ta’ Shyli ġibdet l-attenzjoni wkoll ta’ kittieba tal-mużika, fost l-oħrajn Matthew Mercieca, magħruf aħjar bħala “Muxu”, li f’messaġġ lil omm Shyli qal li din għandha biex tkun kburija.

Fl-ewwel intervista li tat lill-midja lokali, ma’ NetNews Shyli qalet li hi x-xewqa tagħha li tikseb suċċess fil-kant, imma fuq kollox xtaqet twassal messaġġ ta’ kuraġġ lil ħaddieħor, “Taqtgħux qalbkom għax għada hu ċans ieħor.”