Filmat: Silenzju dwar l-eluf f’konsulenzi iżda jgħid li “l-faqar realtà”

Silenzju assolut mill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-eluf ta’ ewro li ntefqu f’madwar 15-il konsulenza li tqabbdu mill-Uffiċju tal-Prim Ministru. Dan meta kien qed jitkellem dwar il-faqar fil-pajjiż.

Joseph Muscat kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja li matulha preżenta dokument li jgħid li l-Gvern wettaq 70% tal-miżuri kollha mħabbra fil-budget għal din is-sena.

Iżda mistoqsi minn Netnews.com.mt, Joseph Muscat ma riedx jgħid x’se jkun qed jagħmel biex jindirizza l-problema kbira ta’ faqar li f’pajjiżna kibret. Madanakollu qal li se jkun qed jindirizza din il-problema fil-baġit ta’ nhar it-Tnejn.

L-istatistika uffiċjali maħruġa mill-NSO turi li f’pajjiżna hawn 100,000 persuna li qed jgħixu f’riskju ta’ faqar. Ċifra akbar minn qatt qabel.

Meta kien qed jirrispondi għall-mistoqsijiet ta’ dan is-sit, Joseph Muscat qal li l-faqar hija realta’ u li l-Gvern se jibqa’ jaħdem anke’ jekk ikun fadal biss persuna waħda fil-faqar. Żied li hu jitkellem man-nies foqra u jammetti li l-faqar jeżisti.

Madanakollu fl-ebda ħin ma rrefera għall-eluf kbar ta’ ewro li ntefqu mill-Gvern f’konsulenzi għall-istess uffiċju tal-Prim Ministru.

Fost dawn, konsulenza mill-eks ġurnalista tas-Super One Ramona Attard li tirċievi salarju ta’ aktar minn €2,600 fix-xahar, konsulenza mill-kumpanija tal-eks President tal-Partit Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi, konsulenza minn Franco Debono, konsulenza minn Cyrus Engerer u konsulenza minn Robert Musumeci li kien jippreżenta programmi politiċi fuq is-Super One.

S’issa għad mhux magħruf x’se jkun qed iħabbar il-Gvern nhar it-Tnejn biex jgħin lill-eluf ta’ persuni li qed jgħixu fil-faqar u eluf oħra f’riskju ta’ faqar.