Lokali

Filmat: Skont Ian Borg m’hemmx verżjonijiet kuntrastanti dwar il-visas mediċi

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Chris Fearne ippruvaw jieħdu l-kredtu li kienu huma li talbu lill-Pulizija jinvestigaw l-iskandlu tal-visas mediċi lil Libjani.

F’dan il-każ, Neville Gafà qed ikun akkużat li ħareġ visas mediċi lil numru ta’ Libjani b’mod irregolari u billi ħa somom ta’ eluf ta’ ewro biex għamel dan. Hu qed jiċħad dawn l-akkużi, għalkemm il-‘whistleblower’ qed isostni l-verżjoni tiegħu, tant li pproduċa numru ta’ messaġġi u provi li, fi kliemu, juru li l-allegazzjonijiet huma veritieri.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fl-ewwel paragrafu ntqal li Muscat ma kien jaf b’xejn. Madankollu, fit-tieni paragrafu, intqal li Muscat kien jaf bl-iskandlu u għaddieh għand l-awtoritiet relevanti.

Min-naħa l-oħra, ma’ The Malta Independent on Sunday, il-kumment ta’ Chris Fearne ma jaqbilx għax il-Ministru tas-Saħħa qal li ftit jiem wara li sar jaf bil-każ, ta struzzjonijiet lis-Segretarju Permanenti tiegħu biex jirrapporta lill-Pulizija.

Meta ffaċċjat b’dawn id-diskrepanzi, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal lil NETnews li huma l-ġurnalisti tagħna li qed jaraw verżjonijiet kuntrastanti. Iżda mistoqsi ma’ liema verżjoni jaqbel, minflok irrisponda, Ian Borg għażel li jattakka lill-media indipendenti għax qal li orkestrata mill-Partit Nazzjonalista.