Lokali

FILMAT: Is-soluzzjonijiet ta’ Joe Mizzi għat-traffiku: Aħseb kmieni, uża l-baħar u 50 pulizija mar-roundabouts

50 pulizija mar-roundabout, li s-sewwieqa jaħsbu kmieni u li n-nies jużaw il-baħar huma fost tlett soluzzjonijiet tal-Ministru Joe Mizzi għall-problema tat-traffiku.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru qal li li s-soluzzjoni għat-traffiku minn nhar it-Tnejn li ġej, meta jibdew il-maġġoranza tal-iskejjel, hi li jpoġġi 50 uffiċjal fit-toroq, fosthom pulizija u gwardjani lokali. Appella wkoll biex in-nies jużaw il-baħar u jaħsbu kmieni.

“Tistenenwx mirakli”, qal il-Ministru Joe Mizzi waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li wissa lin-nies biex minn nhar it-Tnejn, ma jistennewx li t-traffiku se jkun naqas.

Mistoqsi minn NETnews.com.mt jekk dan ifissirx ammissjoni li l-Gvern falla fil-wegħda tiegħu li jsolvi l-problema tat-traffiku, liema wegħda kienet fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, Joe Mizzi rrifjuta li jgħid li l-Gvern falla fil-wegħda tiegħu.

Mhux talli hekk, talli l-Ministru ammetta li t-traffiku żdied: “u żgur li żdied it-traffiku,” saħaq Joe Mizzi, li kompla li madanakollu, il-Gvern għandu proposti long-term, medium-term u short-term.

Dwar it-trasport pubbliku, il-Ministru qal li dan tjieb iżda naqas milli jsemmi li l-Gvern qed jagħti mas-€60 miljun fis-sena f’sussidji lill-Autobuses de Leon, il-kumpanija tat-trasport pubbliku.

Intant, F’Mejju li għadda, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta 25 proposta dwar kif il-problema tat-traffiku tista’ tiġi indirizzata fl-immedjat. Dakinhar, il-Gvern kien prova jirredikola dawn il-proposti, u dan minkejja li wħud mill-affarijiet li qed jindika li jista’ jikkonsidra, huma nklużi f’dan id-dokument, li tista’ taċċessah billi tagħfas hawn.