Lokali

Filmat: “Taqtgħux qalbkom għax għada hu ċans ieħor” – Shyli f’intervista ma’ NetNews

Il-ħolma ta’ Shyli hi li bit-talent tagħha fil-kant twassal messaġġ ta’ kuraġġ u tgħin lil min għaddej minn mumenti diffiċli.

Tgħid dan f’intervista ma’ Net News, it-tfajla li ta’ sentejn tilfet lil missierha u baqgħet tħoss in-nuqqas tiegħu. Sfortunatament matul is-snin qabdet it-triq għan-niżla, irvillat, bdiet issofri wkoll mid-dipressjoni u saħansitra ċediet għall-vizzji.

Imma f’mument minnhom sabet ħabiba, li bħalha kienet għaddejja minn mumenti diffiċli. Flimkien tkellmu dwar il-problemi li kienu għaddejjin minnhom, sakemm finalment għamlu patt li l-ħbiberija tagħhom tibqa’ għal dejjem.

Bl-iskop li twassal messaġġ ta’ kuraġġ lil min bħalissa għaddej minn mument diffiċli, Shyli kitbet kanzunetta rap fejn tirrakkonta dak li għaddiet minnu. Fil-kummenti tagħha tindirizza lil min bħalissa għaddej minn żmien diffiċli: “Taqtgħux qalbkom għax għada hu ċans ieħor,” tgħid Shyli.

F’kummenti, Shyli tgħid li minn dejjem kienet il-ħolma tagħha li tirnexxi fil-kant, u l-esperjenza tagħha fil-kanzunetta li ppublikat illum diġa’ wasslitilha numru ta’ opportunitajiet.

Il-kanzunetta miktuba minn Shyli fuq Facebook rawh iktar minn 100,000, b’iktar minn 1,500 share u kważi 7,000 Like.