Lokali

FILMAT: Tfajjel refuġjat ta’ sitt snin, jindilek bit-toothpaste biex ikun abjad bħal tfal oħra

Waħda mill-ħafna stejjer ta’ qsim il-qalb li jgħixu kontinwament is-sorijiet tal-Ursolini li jieħdu ħsieb it-tfal – fosthom refuġjati – f’Angela House

Bejn il-Ġimgħa 2 u l-Ħadd 4 ta’ Ottubru se tittella’ maratona ta’ 50 siegħa snooker mill-Għaqda Mużikali L’Isle Adame tar-Rabat biex jinġabru fondi għal Angela House

Wara l-wiċċ ta’ kull tifel u tifla hemm storja differenti. Storja ta’ tbatija. Din hi r-realtà f’Angela House, fi Gwardamanġa, fejn is-sorijiet Ursolini jagħtu qalbhom għal dawn it-tfal.

‘In-Nazzjon’ mar fid-Dar tat-Tfal fejn rajna u tkellimna ma’ tfal, uħud Maltin u oħrajn refuġjati ċkejknin li fid-Dar tal-Ursolini jsibu l-wens wara vjaġġ ta’ tbatija.

“L-ulied tar-refuġjati jiġu hawnhekk bi trawma kbira ħafna, ħafna drabi jaraw ukoll lill-ġenituri tagħhom imutu fil-baħar,” tispjega Sister Michaela Paris wara li dawritna mal-binja Angela House fi Gwardamanġa.

Fost dawn it-tfal refuġjati hemm tifel ta’ sitt snin, li Sister Michaela bi swied il-qalb tirrakkonta l-jum li sabuh jindilek bit-toothpaste biex ikun abjad bħat-tfal l-oħra.

“Kellna tifel li mhux darba jew tnejn sibnieh jindilek bit-toothpaste għax ikun irid jiġi abjad bħal tfal oħra,” qaltilna Sister Michaela, filwaqt li spjegat li t-tifel sempliċiment daħħalha f’rasu li hu mhux bħall-oħrajn u allura jħossu differenti.

“Il-Bambin biss jaf xi jkun għaddej mill-imħuħ ta’ dawn it-tfal,” tispjega Sister Michaela, filwaqt li tkompli, “l-immaġinazzjoni ta’ dan iċ-ċkejken kienet li hu ikrah u allura pprova jindilek bit-toothpaste biex ikun abjad bħal tfal oħra fl-istess dar.”

Mistoqsija x’għamlet is-soru li sabet lit-tifel jagħmel hekk, Sister Michaela tgħid li s-soru konċernata xxukkjat ruħha u minnufih għannqet lit-tifel u qaltlu li hu sabiħ kif inhu, kif ħalqu Ġesù.

Sister Michaela tispjega li s-sorijiet tal-Ursolini m’għandhomx kulur, lingwa jew reliġjon għax jirrispettaw lit-tfal kollha. Tisħaq li t-tfal kollha għandhom id-dritt li jingħataw l-imħabba u li jkollhom ħajja u futur kif jixirqilhom.
‘In-Nazzjon’ kellu l-opportunità jitkellem ma’ Sister Michaela mid-Dar tat-Tfal tal-Ursolini hekk kif tħabbru dettalji dwar maratona ta’ 50 siegħa snooker li se tkun organizzata mill-Għaqda Mużikali L’Isle Adame tar-Rabat, Malta b’risq din id-Dar.

F’Angela House, fi Gwardamanġa, bħalissa hemm jgħixu 43 tifel u tifla. Fl-aħħar ġimgħa biss, waslu f’Angela House għaxart itfal oħra.

Bħalissa fid-Dar tat-Tfal għaddej proġett biex qed jiġi rinnovat wieħed mill-appartamenti fejn jgħixu t-tfal biex ikunu jistgħu jgħixu f’ambjent ta’ familja flimkien ma’ sorijiet tal-Ursolini li jieħdu ħsiebhom 24 siegħa kuljum. L-ispejjeż għal dan ix-xogħol huma mistennija jlaħħqu t-€80,000.

Il-maratona tas-snooker mill-Għaqda Mużikali L’Isle Adam se ssir bejn il-Ġimgħa 2 u l-Ħadd 4 t’ Ottubru.