Ambjent Lokali

FILMAT: Titwaħħal grada ġdida biex timblokka l-aċċess għal Manoel Island

“M’hemm l-ebda liġi li tgħid li għandu jkun hemm aċċess minn propjetà privata għax-xatt” – il-MIDI

Il-kumpanija MIDI plc reġgħet waħħlet grada tal-ħadid biex timblokka l-aċċess għal Manoel Island, tlett ijiem biss wara li l-grada ta’ qabel tqaċċtet minn attivisti ambjentali. Filfatt, il-grada ġdida twaħħlet wara li s-Sibt li għadda, attivisti mill-Kamp Emerġenza Ambjent qaċċtu l-katnazzi tal-grada li kien hemm.

Ħaddiema intbgħatu fuq il-post biex jinstallaw grada motorizzata, aktar b’saħħitha minn dik li kien hemm qabel, madanakollu l-ħaddiema ma riedux jikkummentaw ma’ NETnews.com.mt dwar min bagħthom u dwar jekk l-aċċess hux se jibqa’ miftuħ għall-pubbliku.

Fi stqarrija li ntbgħatet mill-management tal-kumpanija MIDI ftit minuti wara li NETnews bagħat mistoqsijiet dwar din il-grada ġdida, il-kumpanija MIDI plc qalet li l-azzjonijiet ta’ dawk li kissru l-gradi kienu “irresponsabbli”. Il-kumpanija żiedet li m’hemm l-ebda liġi li tgħid li għandu jkun hemm aċċess minn propjetà privata għax-xatt.

Il-kumpanija qalet li se tkun qed tieħu l-passi kollha skont il-liġi biex tissalvagwardja l-interessi tagħha u tal-istakeholders tagħha, f’indikazzjoni ċara li se tkun qed terġa’ timblokka l-aċċess.

Intant, minn nhar is-Sibt, għexieren ta’ persuni ħatfu l-opportunità u marru jgħumu fil-bajjiet ta’ Manoel Island, b’veduti mill-isbaħ tal-Belt Valletta. Madanakollu, jidher li dan l-aċċess se jerġa’ jkun imblukkat permezz ta’ grada ġdida motorizzata li ġiet installata.

manoel island swiming

Ritratt: Nies igawdu waħda mill-bajjiet li hemm f’Manoel Island, wara li nfetaħ l-aċċess mill-Kamp Emerġenza Ambjent