Lokali

FILMAT: Tlieta jweġġgħu fi splużjoni l-Marsa – tnejn kienu fil-vann milqut

Tal-anqas tliet persuni weġġgħu f’każ li seħħ it-Tnejn filgħaxija fi Triq Aldo Moro, il-Marsa, għall-ħabta tas-18:15.

Jirriżulta li seħħet splużjoni f’vann tat-tip Ford Transit li kien għaddej fid-direzzjoni lejn il-Kottonera. S’issa, għad mhux magħruf x’wassal għal din l-isplużjoni, li wasslet biex il-vann baqa’ dieħel ġo arblu ammont ta’ metri iktar ‘il quddiem.

Fil-vann kien hemm ix-xufier, raġel ta’ 35 sena residenti Ħal Qormi, kif ukoll passiġġier ta’ 45 sena residenti n-Naxxar. Wieħed minn dawn sofra ħruq f’partijiet kbar ta’ ġismu, kif ukoll ġrieħi serji ħafna f’saqajh hekk kif hemm suspett li tpoġġiet bomba jew splussiv ieħor fuq barra tal-vettura, taħt il-post fejn kien bilqiegħda x-xufier.

Kawża tal-ġrieħi li ġarrab, dan kellu jingħata l-kura fuq il-post u dam għal iżjed minn siegħa jiddewwa fil-post mingħajr ma seta’ jiċċaqlaq. Kellu jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza anke x-xufier ta’ vettura oħra, tat-tip Opel Zafira, li kawża tal-isplużjoni fil-vann intlaqtet u ġarrbet xi ħsarat.

Xhieda fil-post spjegawlna li l-isplużjoni kienet waħda qawwija ħafna, kif rifless ukoll fl-ammont ta’ biċċiet mill-vetturi mifruxa matul it-triq kollha.

It-triq fid-direzzjoni lejn il-Kottonera nżammet magħluqa għal ħin twil minħabba l-preżenza kbira ta’ vetturi tat-tifi tan-nar, ambulanzi u karozzi tal-Pulizija. Waslu wkoll membri tal-Explosive Ordnance Disposal (EOD) li permezz ta’ robot analizzaw jekk hemmx xi splussiv ieħor mal-karozza.

Fil-ħin ta’ wara dan l-inċident, man-naħa l-oħra tat-triq fid-direzzjoni lejn il-Ħamrun seħħew żewġ inċidenti oħra li fortunatament ma kellhomx konsegwenzi serji. Dan filwaqt li nħoloq traffiku kbir, b’mod speċjali fid-direzzjoni ta’ Raħal Ġdid.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.

spluzjoni marsa

Ritratti aktar kmieni…

Incident Aldo Moro 3

Incident Aldo Moro 2

Incident Aldo Moro 1

aldo moro incident 2

aldo moro marsa incident

Incident Aldo Moro 4

Ritratti: Giovanni Barbaro / Matthew Mamo