Lokali Sport

Filmati ġodda: Il-ġlieda bejn il-Kroati u s-Serbi – jitwaħħlu messaġġi madwar Malta

Dan is-sit irċieva filmati ġodda li juru l-mument li grupp ta’ madwar 20 Kroat inġabru fi Triq Wilġa, f’Paceville, u qabdu jgaraw dak kollu li sabu lejn il-bieb ta’ barra ta’ stabbiliment tad-divertiment.

Fuq ġewwa tal-istabbiliment kien hemm numru ta’ bouncers Serbi li spiċċaw fil-mira tal-Kroati anke’ minħabba r-rivalita’ politika kbira li teżisti bejn dawn iż-żewġ nazzjonalitajiet.

Fil-post immedjatament waslu numru kbir ta’ uffiċjali tal-Pulizija li arrestaw mill-inqas sitt persuni.

Intant matul il-ġurnata numru ta’ partitarji Kroati li jinsabu f’Malta tellgħu fuq Facebook numru ta’ ritratti ta’ messaġġi kontra l-Federazzjoni Kroata li waħħlu madwar Malta; fosthom f’Hastings, il-Belt Valletta, u mar-railings tal-Bajja ta’ San Ġorġ, f’Paceville.

Il-Kroati jinsabu rrajati li qatgħu l-biljetti tal-ajru għal Malta, biex imbagħad il-Federazzjoni tal-Futbol Kroata qablet mal-MFA u l-UEFA biex ma jitħallewx jidħlu.

Il-Pulizija jinsabu fuq allert għal xi ġlied li jista’ jinqala’ llejla barra l-grawnd nazzjonali f’Ta’ Qali, fejn fid-20:45 tibda l-logħba bejn Malta u l-Kroazja. Dan għaliex madwar 380 Kroat jinsabu Malta għal din il-logħba imma mhux se jitħallew jidħlu.

Teżisti wkoll il-biża’ li l-ġlied jinqala’ anke’ f’bar fejn soltu jinġabru l-partitarji tal-futbol madwar Malta, kif kien ġara fl-2005 meta dakinhar grupp ta’ Kroati fis-sakra qajmu kommossjoni f’Tas-Sliema qabel komplew bi ġlied u tkissir fl-istadium.