Lokali

FILMATI: Il-katavru misjub f’Ħad-Dingli hu ta’ Mike Mansholt

Aġġornata

“Se tibqa’ magħna għal dejjem” – il-familja ta’ Mike

Il-katavru li dalgħodu nstab taħt l-irdum ta’ Ħad-Dingli hu ta’ Mike Mansholt. Dan kien ikkonfermat mill-familja taż-żagħżugħ stess permezz tal-paġna ‘Where is Mike’ ftit tal-ħin ilu.

Il-familja qalet li fil-jiem li ġejjin, il-ġisem taż-żagħżugħ ta’ 17-il sena se jittieħed lura l-Ġermanja. “Se tibqa’ magħna għal dejjem” kitbet il-familja ta’ Mike fuq Facebook.

Mike

Aktar kmieni

Il-Pulizija dalgħodu kienet qed tinvestiga sejba ta’ katavru ta’ bniedem f’Ħad-Dingli. Is-sejba saret fiż-żona qrib il-Kappella ta’ Santa Marija Maddalena. Is-sejba saret għall-ħabta tal-10 ta’ dalgħodu minn membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Matul il-ġurnata ma kienx qed ikun eskluż li l-katavru jista’ jkun taż-żagħżugħ Ġermaniż Mike Mansholt, li kien irrappurtat nieqes fil-jiem li għaddew. Filfatt, dan kien ikkonfermat mill-familja stess waranofsinhar.

Aktar: F’kummenti ma’ NETnews.com.mt aktar kmieni, il-qraba ta’ Mike qalu li kien għad ma kellhomx konferma li l-katavru hu taż-żagħżugħ Ġermaniż

Madwar 4 metri ‘l bogħod mill-katavru, nstabet rota, filfatt il-Ġermaniż li kien rrpaurtat nieqes jidher li l-aħħar li deher kien bir-rota.

Ftit tal-ħin ilu qraba taż-żagħżugħ Ġermaniż li kien rrapurtat nieqes waslu fuq il-post, fost oħrajn missieru, u jidher li kienu qed jitkellmu mal-Pulizija waqt li huwa mistenni li jidentifikaw il-katavru. Fuq il-post hemm membri oħra tal-familja ta’ Mike, fosthom ħuh.

Filmat: NETnews.com.mt LIVE mill-post

L-uffiċjali tas-sigurtà mistennija jibdew operazzjoni biex ikun irkuprat il-katavru minn hawn u ftit ieħor, wara li jasal il-Maġistrat biex ikun jista’ jiftaħ l-inkjesta.

Is-sejba mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili saret meta dalgħodu kompliet it-tfittxija għal Mike Mansholt. It-tfittxijiet dalgħodu tkomplew mis-sezzjoni K9 tal-Protezzjoni Ċivili, mill-USAR u minn diversi voluntiera.

Fil-jiem li għaddew, sar magħruf li waqt il-btala tiegħu f’pajjiżna, iż-żagħżugħ Ġermaniż kera rota minn ħanut qrib il-lukanda fejn kien qed joqgħod.

Mike kellu jirritorna pajjiżu l-Ġimgħa li għadda, fit-22 ta’ Lulju. Madankollu, il-qraba u ħbieb tiegħu baqgħu jistennew għalxejn. Meta sar kuntatt mal-lukanda fejn kien qed joqgħod, l-impjegati nnutaw li fil-kamra mikrija minn Mike nstabu l-Passaport u anke numru ta’ oġġetti personali tiegħu.

Minn dak il-ħin bdiet tfittxija għaż-żagħżugħ, hekk kif fl-aħħar sigħat sar magħruf ukoll li dan seta’ mar fiż-żona qrib Ħad-Dingli.

Aktar rappurtaġġ dwar is-sejba ta’ katavru f’Ħad-Dingli

Konferenza tal-aħbarijiet mill-familja ta’ Mike ftit qabel ma sar magħruf li nstab katavru f’Ħad-Dingli. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-qraba ta’ Mike ħabbru li kienu se jagħmlu tfittxija koordinata għaż-żagħżugħ.

Kummenti ta’ Daniel Mansholt; ħu ż-żagħżugħ Ġermaniż, ma’ NETnews.com.mt