Lokali Saħħa

Fl-Emerġenza qed jaħdmu anqas Infermieri mill-minimu stipulat

Fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei it-Tnejn filgħaxija kien hemm jaħdmu anqas Infermieri minn kemm suppost ikun hemm f’Dipartiment tal-Emerġenza.

Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela kif minħabba l-inċident li seħħ fil-Marsa t-Tnejn filgħaxija, fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei kien hemm anqas Infermieri minn kemm suppost biex ilaħħqu mal-pazjenti. Dan hekk kif l-ammont minimu ta’ Infermieri fl-Emerġenza hu ta’ bejn 21 u 22 Infermier. Madankollu, it-Tnejn kien hemm bejn 12 u 14-il Infermier.

In-Nazzjon irrapporta li fl-aħħar jiem, din is-sitwazzjoni saret kważi l-prassi fl-Emerġenza. Is-Segretarju Ġenerali tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Colin Galea spjega kif fit-3 ta’ Ottubru, madwar 160 Infermier se jibdew ‘Induction Course’ biex fl-10 ta’ Ottubru jibdew jaħdmu uffiċjalment f’diversi swali fl-Isptar Mater Dei u fi Sptarijiet oħrajn tal-Gvern.

Għalhekk, l-MUMN se tkun qed tistenna biex tara kemm se jkun l-ammont ta’ Infermieri li se jkunu assenjati fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Colin Galea semma’ wkoll kif wara s-sitwazzjoni tat-Tnejn filgħaxija, l-MUMN talbet għal laqgħa mal-Uffiċjali ta’ Mater Dei, fejn irriżulta li min-naħa tagħhom se jindirizzaw il-problema.