Lokali

Fl-iskandlu tal-visas mediċi lil Libjani, Muscat jitfixkel fil-gideb tiegħu stess – il-PN

Fid-dagħdigħa biex jiddefendi lil min qed jiġi akkużat b’korruzzjoni fil-ħruġ tal-visas mediċi lil Libjani, il-Prim Ministru Joseph Muscat spiċċa jitfixkel fil-gideb tiegħu stess.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wara li lbieraħ, il-gazzetta The Malta Independent on Sunday żvelat kif Muscat kien jaf bl-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni f’Kastilja b’rabta ma’ dan l-iskandlu.

Ilbieraħ stess, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna li Muscat ilu mill-anqas sena jaf b’dawn l-allegazzjonijiet għax sena ilu, waqt laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà, il-Kap tal-Oppożizzjoni qajjem il-każ u qal li kien hemm xnigħat dwar tbagħbis fil-ħruġ tal-visas mediċi.

Il-Partit Nazzjonalista nnota kif madanakollu, fi stqarrija waħda, Muscat irnexxielu jgiddeb lilu nnifsu darbtejn: l-ewwel qal li ma kien jaf b’xejn dwar dan l-iskandlu, iżda fis-sentenza ta’ wara, qal li kien jaf u li għadda l-affarijiet għand il-Pulizija.

Dan meta, ma’ The Malta Independent on Sunday, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li kien is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Saħħa li għadda l-każ għand il-Pulizija – jiġifieri mhux il-Prim Ministru.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li dan hu skandlu kbir għax, bħal ħafna skandli oħrajn f’din il-leġiżlatura, inħadem f’Kastilja minn persuna li hu qrib ħafna taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi, li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, bl-involviment issa anke tal-Prim Ministru Muscat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sejjaħ laqgħa tal-Grupp Parlamentari għal għada t-Tlieta biex matulha jiġu diskussi dawn l-aħħar żviluppi f’sensiela ta’ skandli ta’ korruzzjoni f’Kastilja, temmet tgħid l-istqarrija.