Internazzjonali

Fl-Italja llum jiġi osservat jum ta’ Luttu Nazzjonali

Fl-Italja llum qiegħed jiġi osservat jum ta’ luttu nazzjonali wara li fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu ta’ nhar l-Erbgħa li għadda terremot ta’ qawwa 6.2 fuq l-iskala Richter laqgħat iċ-ċentru tal-pajjiż. Terremot li s’issa ħalla 278 persuna mejta, bosta oħra midruba u madwar elfejn persuna bla dar.

Fl-isfond tal-bnadar mezzasta madwar il-pajjiż kollu l-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi llum huwa mistenni jattendi l-funerali statali ta’ bosta vittmi mill-villaġġ ta’ Arquata, wieħed mill-aktar villaġġi milquta f’dan it-terremot.

L-ewwel funeral intant sar il-bieraħ, għal iben uffiċjal ta’ l-istat li miet fil-belt ta’ Amatrice fejn mietu aktar minn mitejn persuna.

Il-maġġoranza tal-vittmi huma Taljani għalkemm fost il-mejta kien hemm ukoll numru ta’ barranin. Tħassib li qiegħed jinkwieta l-ħidma ta’ salvataġġ huwa pont li jwassal għal belt ta’ Amatrice hekk kif diversi theżiżiet żgħar li seħħew fl-aħħar jiem wassal sabiex dan il-pont idgħajjef ħafna bir-riskju li jaqa’ u b’hekk il-belt issir inaċċessibli.

Intant il-gvern Taljan iddikjara stat ta’ emerġenza fil-postijiet milquta fosthom Amatrice, Arquata, Accumoli u Pescara del Tronto. Tħabbret ukoll maħfra fit-taxxi għar-residenti tal-postijiet milquta u inizjattiva bl-isem ta’ ‘Djar Taljani’ sabiex tingħata attenzjoni lil kritika ħarxa li qegħda ssir fil-konfront tal-gvern Taljan dwar in-nuqqas ta’ ppjanar fejn tidħol l-osservazzjoni tar-regoli dwar il-bini u t-terremoti.