Ambjent Lokali

Flimkien għal Ambjent Aħjar tilqa’ d-deċiżjoni dwar Wied l-Għomor

L-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar fi stqarrija laqgħet id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li b’deċiżjoni unanima tal-bord tagħha, irrifjutat applikazzjoni biex tinbena dar tal-anzjani f’barriera f’Wied il-Għomor, waħda mill-ftit żoni mhux mibnija fl-inħawi tas-Swieq u San Ġwann.

L-applikazzjoni sabet l-oppożizzjoni qawwija min-numru ta’ residenti, il-Kunsilli Lokali ta’ San Ġwann u tas-Swieqi, għaqdiet ambjentali u tad-deputati Nazzjonalisti Marthese Portelli u Kristy Debono. Dan minbarra petizzjoni ta’ 4,500 persuna li opponew il-proġett.

Waqt is-smigħ mill-MEPA, il-Flimkien għal Ambjent Aħjar kienet esprimiet rabja għall-fatt li r-rapport tal-‘Case Officer’ kien irrakkomanda li l-applikazzjoni tal-proġett tkun approvata.

Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li l-iżvilupp, kieku kien approvat, kien se joħloq preċedent li jwassal għall-iżvilupp bil-bini tal-wied kollu. Dan kien ikollu impatt fuq ir-residenti, bit-telf ta’ spazju miftuħ u żieda fit-traffiku u t-tniġġiż, żiedet tgħid l-għaqda ambjentali.

Flimkien għal Ambjent Aħjar temmet tawgura li din id-deċiżjoni tkun xempju ta’ kif il-kunsiderazzjonijiet tal-komunitajiet għandhom ikunu kkunsidrati f’applikazzjonijiet simili ‘il quddiem.

Fl-aħħar ġimgħat, anke l-Oppożizzjoni għamlet pressjoni qawwija fil-parlament dwar dan il-każ fejn kienet elenkata l-importanza li Wied Għomor ikun salvat minn dan il-proġett.

L-oġġezzjonijiet tar-residenti kienu bbażati l-aktar fuq il-fatt li Wied Għomor hu l-uniku pulmun ambjentali fiż-żona, li l-anzjani ma jistħoqqilhomx jirtiraw ġo bini f’barriera u li l-bini jinkludi wkoll partijiet minn art pubblika li l-iżviluppatur inkludiehom fil-proġett.