Lokali

Flok jindirizza l-faqar, Joseph Muscat iħaxxen il-bwiet ta’ dawk viċin tiegħu

Filwaqt li għal Joseph Muscat, ħafna affarijiet huma perċezzjonijiet, l-istatistika uffiċjali tikkonferma li f’pajjiżna, l-faqar żgur li mhuwiex perċezzjoni. Altru minn hekk. Filwaqt li anke skont il-programm elettorali tal-Partit Laburista, qabel l-elezzjoni kien hawn 88,000 persuna fir-riskju tal-faqar, illum dan in-numru żdied għal 100,000. Dan huwa r-riżultat tal-politika ta’ Joseph Muscat li flok jaqsam il-ġid bejn kulħadd, jxerrdu biss ma’ dawk li jagħżel hu.

Il-Partit Nazzjonalista f’isem ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici saħaq li minbarra f’hekk, l-agħar li marru ma’ Joseph Muscat huma l-anzjani, tant li f’sena waħda, biss, in-numru ta’ anzjani fir-riskju tal-faqar żdied b’2,500. Dan ifisser li llum għandna 2,500 anzjan u anzjana fir-riskju tal-faqar aktar milli kellna sena ilu.

Joseph Muscat jiprova jgħajjar lil ħaddieħor arroganti, meta huwa hu li qed ikun arroganti meta jibqa’ jwebbes rasu li ma jraħħasx kemm il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel kif ukoll il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kif qed jgħidulu jagħmel il-korpi kostitwiti. Joseph Muscat qed ikun arroganti wkoll billi flok jindirizza l-isfidi tal-familji f’riskju ta’ faqar, jinsisti li l-faqar naqas, meta ċ-ċifri u l-esperjenzi tal-familji juru mod ieħor.

L-istqarrija tikkonkludi li kif jgħid l-Ingliż, it’s rich għal Joseph Muscat li jitkellem dwar il-faqar, fl-istess ġranet li ħareġ kif l-istess Muscat qed iħaxxen il-bwiet ta’ dawk biss viċin tiegħu, fosthom id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela, l-eks ġurnalista tas-Super One Ramona Attard, u Cyrus Engerer, li qed jiskonta sentenza sospiża wara li nstab ħati ta’ reat omofobiku. Dan minbarra t-€13,000 fix-xahar għall-mara tal-Ministru Konrad Mizzi.