Futbol Sport

Franza Champions tal-Ewropa ta’ taħt id-19-il sena

Franza huma ċ-Champions Ewropej ta’ taħt id-19-il sena meta fil-finali li ntlagħbet fil-Wirsol Rhein-Neckar Arena fil-Ġermanja ġabu fix-xejn lit-tim Taljan b’rebħa netta ta’ 4-0.

Il-Franċiżi kellhom bidu mill-aqwa meta wara biss sitt minuti marru fil-vantaġġ permezz ta’ Jean Kevin Augustin. Franza rduppjaw fid-19-il minuta biex setgħu jamministraw il-partita aħjar. Franza għalqu l-partita fit-82 bit-tielet gowl minn Lucas Tousart, b’Issa Diop jtemm il-partita bir-raba’ gowl fid-90 minuta.

Franza kienu tilfu l-ewwel partita kontra l-Ingilterra, iżda fil-mixja tagħhom sal-finali rebħu lill-Kroazja 2-0, lill-Olanda 5-1 u fis-semifinali lill-Portugall 3-1. Fatt kurjuż hu li f’din l-iskwadra Franċiża hemm Marcus Thuram li hu t-tifel tal-eksdifensur ta’ Parma u Juventus Lilian Thuram.

Il-Franċiżi kienu b’saħħithom wisq għall-avversarji bi plejers bħal Augustin u Mbappè jispikkaw fejn minkejja l-età tagħhom diġà jilagħbu ma’ PSG u Monaco rispettivament b’diversi partiti fil-Ligue 1.

L-Italja kienu qed jimmiraw li jirrepetu s-suċċess tal-2003, iżda minkejja kollox, kellhom tournament pożittiv u għalihom kien diġà suċċess li waslu sal-finali bit-tim ta’ Vanoli jibbaża t-tim fid-difiża u l-kontrattakk. Żewġ plejers li spikkaw għat-tim Taljan kienu Manuel Locatelli ta’ Milan u Federico Dimarco li hu plejer ta’ Inter iżda dan l-istaġun jinsab ma’ Empoli fejn kien l-aqwa skorer tal-Italja b’erba’ gowls.