Internazzjonali

Franza tħejji għal aktar inkwiet industrijali

Il-poplu ta’ Franza qed iħejji għal aktar taqlib u azzjonijiet industrijali fis-sigħat li ġejjin wara li l-President Franċiż, Francois Hollande, insista li l-Gvern tiegħu mhux se jirtira riforma kontroversjali fil-qasam tax-xogħol li tagħmilha aktar faċli biex l-ażjendi jingaġġaw u jkeċċu lill-ħaddiema.

Il-ħaddiema man-network tal-ferrovija nazzjonali, għada, jibdew strajk nazzjonali, b’Hollande, Soċjalista, qed jinsisti li l-abbozz tal-liġi ġdid ‘se jiswa ta’ ġid tal-ażjendi filwaqt li jagħti drittijiet ġodda lill-impjegati’.

Eluf kbar ta’ Franċiżi, il-ġimgħa l-oħra, ħadu sehem f’ dimostrazzjonijiet kontra l-abbozz kontroversjali fl-ibliet ewlenin ta’ Franza u fejn kellhom diversi konfronti mal-pulizija.

Il-kapijiet fis-settur tat-turiżmu f’Pariġi, intant, wissew li l-inkwiet industrijali qed iżomm lura lill-barranin milli jżuru l-kapitali Franċiża li hi fost l-aktar destinazzjonijiet popolari mat-turisti. Huma qalu li ‘x-xeni ta’ azzjonijiet stil gwerilliera fil-qalba ta’ Pariġi jirrinfurzaw klima ta’ biża u inċertezza, f’dawn iċ-ċirkustanzi’.

Dan meta hemm ukoll tħassib li l-inċertezza tas-sitwazzjoni taffettwa ħażin it-tournament tal-futbol internazzjonali Euro 2016 li jibda fi Franza fl-10 ta’ Ġunju.

Anki fil-Belġju, eluf ta’ ħaddiema mas-settur pubbliku ħadu sehem fi strajk nazzjonali ta’ 24 siegħa kontra qtugħ fil-baġit nazzjonali, bidliet fis-sigħat tax-xogħol u żieda fl-età għall-irtirar. Uffiċjali tal-pulizija, għalliema u xi ħaddiema taċ-ċivil issieħbu ma’ xufiera tal-ferroviji u gwardjani tal-ħabs li kienu fost l-ewwel li ħarġu fuq strajk, fil-Belġju.