Għawdex Lokali

Front favur il-mina bejn Malta u Għawdex

Grupp ta’ studenti universitarji waqqfu Front bl-iskop li jikkampanja favur il-mina bejn Malta u Għawdex. L-istudenti li waqqfu l-Front huma Jonathan Mintoff, Maria Cachia, Beppe Galea u Carla Galea, li se jkunu qed iniedu l-kampanja tagħhom għada waranofsinhar, b’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata wkoll mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said u mid-Deputat Laburista Franco Mercieca.

L-iskop tal-Front hu li jinfirex madwar s-soċjetà biex jinkiseb l-appoġġ meħtieġ għal dan il-proġett. Hu ppjanat li dan il-front ma jkunx wieħed għall-Għawdin biss, iżda li jinkludi wkoll attivisti Maltin li huma favur il-proġett. L-iskop tal-Front hu li din il-kwistjoni tkun trattata mingħajr partiġġjaniżmu.

Fl-aħħar xhur, id-diskussjoni dwar dan il-proġett kienet trattata bi prijorità fl-opinjoni pubblika u anke fl-aspett poltiku. Fi żmien Gvern Nazzjonalista, kien tnieda pjan biex bejn Malta u Għawdex issir mina minflok il-pont, li għal snin twal kien donnu proġettat bħala l-unika soluzzjoni għal rabta permanenti bejn iż-żweġ gżejjer.

Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Gvern Laburista kien għamel studu dwar il-vijabbiltà ta’ pont. Iżda wara diversi xhur ta’ studju, irriżulta li l-aħjar għażla hi li ssir mina bejn iż-żewġ gżejjer. Wieħed mill-aspetti l-aktar fundamentali fil-proġett, minbarra s-sostenibbiltà, hu l-aspett ġeoloġiku tal-blat ta’ taħt il-baħar fil-Fliegu.

Dawn l-istudji għad iridu jsiru u se jkunu huma li finalment ikollhom piż determinanti fuq id-deċiżjoni dwar jekk il-mina tistax issir.